Lokali Qorti

Minn ħabs għal sentenza sospiża fuq traffikar ta’ cannabis wara li b’suċċess temm proċess ta’ riabilitazzjoni

Shawn Borg ta’ 38 sena minn Marsaskala kellu s-sentenza tiegħu mibdula minn sitt xhur ħabs effettivi għal waħda sospiża għal sena. Dan wara li l-Bord tar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga nforma lill-Qorti li kien sodisfatt bil-proċess ta’ riabilitazzjoni tal-ħati fejn huwa għalaq il-każ tiegħu b’suċċess.  

Borg, li wettaq dan ir-reat meta kellu 21 sena, kellu problema tat-teħid tad-droga li kien jaqsamha mat-tfajla tiegħu u numru ta’ ħbieb. Fl-aħħar żminijiet huwa għamel sforz u rnexxielu jimxi ‘l quddiem f’ħajtu u llum huwa persuna riabilitat.

L-appell instema’ quddiem l-Imħallef Neville Camilleri f’każ li jmur lura għas-sajf tal-2007. Il-Qorti filwaqt li kkonferma s-sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħtija, l-bidla li seħħet fil-konfront ta’ Borg, qal l-Imħallef – m’għandhiex twassal biex hu jingħata sentenza effettiva ta’ priġunerija.

Mix-xiehda tal-eks Supretendent Norbert Ciappara kien ħareġ li fil-31 ta’ Lulju ta’ 17-il sena ilu, l-Pulizija mit-Taqsima ta’ kontra d-Droga qabdu lil ċertu Pierre Muscat b’xi droga cannabis. Dan qal li kien xtara din id-droga minn għand Mark Brincat.

Meta mistoqsi dan, Brincat qal li kien ġab id-droga mingħand Shawn Borg. Hu kkonferma li kien jagħmel użu mill-cannabis flimkien mat-tfajla tiegħu u ma’ sħabu. Jgħid li hu kien jixtri din is-sustanza għal użu tiegħu iżda nduna li kien qed jixtriha bil-għoli u għalhekk kien xtara ammont sabiex jikseb prezz irħas.

Saħaq li dan l-ammont inqasam minn nofs fejn parti ittieħdet minnu u t-tfajla tiegħu u parti oħra ttieħdet mill-ħbieb tiegħu inkluż Mark Brincat. Mark Brincat li kien xehed quddiem l-Ewwel Qorti u kkonferma l-verżjoni ta’ Borg.

Il-Qorti tal-Appell qalet li l-akkużi ġew ippruvati fil-konfront ta’ Borg. Sadanittant qalet ukoll li l-fedina penali aġġornata tiegħu hi waħda kważi kompleament nadifa. Ġie meqjus ukoll il-fatt li l-imputazzjonijiet fil-konfront tal-appellant imorru lura għas-sena 2007 u għat-trapass ta’ żmien li ħadu l-proċeduri sabiex jiġu konklużi issa ngġataw ukoll piż mill-istess Qorti.

Dak li rriżulta mid-depożizzjoni mogħtija quddiem l-Ewwel Qorti mill-Uffiċjal tal-Probation u dak li jirriżulta mis-Social Inquiry Report fil-konfront tal-ħati   jirriżulta li l-unika kawża li għandu pendenti quddiem il-Qorti hi din il-kawża.  

Il-fatt li jirriżulta li l-Bord tar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga nforma lil din il-Qorti kif preseduta li l-imsemmi Bord kien sodisfatt bil-proċess ta’ riabilitazzjoni fejn huwa għalaq il-każ tiegħu b’suċċess.  

Il-Qorti tal-Appell qalet li f-dawl ta’ dan kollu hi tal-fehma li Borg huwa kandidat idoneu sabiex fil-konfront tiegħu skont il-liġi tnaqqis fil-piena. Qalet li hija sodisfatta fuq bilanċ ta’ probabbilitajiet illi r-reati li dwarhom ġie misjub ħati kienu prinċipalment attribwibbli għad-dipendenza tiegħu fuq id-droga.

Għaldaqstant il-piena ta’ priġunerija mogħtija mill-Ewwel Qorti ġiet sospiża. Dwar il-multa ta’ €950 li l-Ewwel Qorti kkundannat lil Borg iħallas, din  taqa’ fil-parametri tal-liġi u ma tara l-ebda raġuni għala għandha tnaqqasha.