Lokali

Moviment Graffitti jappella lill-Gvern biex Malta ma tipparteċipax f’attivitajiet militari li jappoġġjaw il-ġenoċidju

Il-Moviment Graffitti jikkundanna bis-sħiħ il-konsiderazzjoni ta’ Malta li tingħaqad mal-Operazzjoni Aspides, missjoni tal-UE fil-Baħar l-Aħmar, hekk kif kull parteċipazzjoni f’din l-operazzjoni tmur kontra kull prinċipju kostituzzjonali tan-newtralità u paċi. Huma qalu wkoll li din il-kollużjoni tgħin il-kummerċ jerġa’ jibda qisu mhu xejn mal-Iżrael, stat li qed jikkommetti ġenoċidju b’mod attiv.

Għalhekk, Moviment Graffitti qed isejħu lill-Ministru tal-Intern Byron Camilleri, lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg, u lill-Prim Ministru Robert Abela, biex jiżguraw li Malta ma tkunx parti mill-Operazzjoni Aspides.

Il-Moviment Graffitti jappella lill-Gvern Malti biex – minflok jipparetċipa f’attivitajiet militari – juża l-isforzi tiegħu għar-restawr ta’ rotta kummerċjali sigura fil-Baħar l-Aħmar billi jaħdem fl-istituzzjonijiet internazzjonali għal waqfien mill-ġlied permanenti u t-tmiem tal-ġenoċidju Iżraeljan fuq il-Palestinjani f’Gaża.