Lokali

Robert Abela ma jridx inaqqas ir-rata tal-VAT

Il-Prim Ministru Robert Abela ma jridx inaqqas ir-rata tal-VAT lill-istabbilimenti u r-ristoranti lokali bħal ma qed tappellalu l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering. 

Preżentament ir-rata tal-VAT hija dik ta’ 18%, – bl-ACE qed tappella sabiex pajjiżna jaddotta ċertu miżuri bħall-pajjiżi ġirien fil-Mediterran u, fl-isfond tal-inflazzjoni li dejjem qed terfa’ rasha….il-Gvern inaqqas ir-rata tal-VAT għalihom. Xi ħaġa li Robert Abela qed jibqa’ jirreżisti.

Net News staqsa lill-Prim Ministru jekk hux se jkun qiegħed jilqa’ dan l-appell, b’Abela jgħid illi l-Ministru Clyde Caruana qed jiġi miżinterpretat b’dak li qal.

Kemm Clyde Caruana u wisq inqas Robert Abela…fl-ebda mument ma sostnew  li lesti jnaqqsu r-rata tal-VAT.

U minflok Abela jbaxxi rasu għal dak li qed jitolbuh l-istabbilimenti u s-sidien tan-negozji, qed jinsisti li jrid inaqqas biss il-corporate tax u jirranġa l-personal tax bands – punti imwiegħda fil-Manifest Elettorali ta’ sentejn ilu, u li għadu ma wettaqx.

L-ACE qed tibqa’ tinsisti biex ir-rata tal-VAT tonqos u insistiet li tinsab imħassba kif il-Minsitru tal-Finanzi lanqas biss qiegħed jikkunsidra li dan iseħħ….fl-istess waqt li entitajiet kummerċjali barranin li qiegħdin jaħdmu f’dan il-qasam f’pajjiżna… qed jibbenefikaw minn rati inqas minn dawk lokali.

Anke l-Kamra tal-SMEs qed tisħaq li l-VAT għandha tonqos minn 18 fil-mija għal 15 fil-mija. Dan apparti l-proposta li titneħħa t-taxxa tas-SISA li qed tgħolli l-prezzijiet.