“Dejjem miftuħ il-bieb tal-Caritas. Dejjem lesta biex tilqgħek u biex tgħinek.”
Dan sostnieh l-eks futboler internazzjonali Miguel Mifsud hekk kif f’April li ġej se jagħmel ġirja ta’ 100km madwar il-kosta ta’ Malta b’risq Caritas Malta – l-għaqda għenitu sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga.
Miguel Mifsud kien jilgħab ma’ diversi timijiet tal-futbol u anke lagħab mat-tim nazzjonali Malti. U għal żmien twil… id-droga għalih kienet qisha premju wara li kien imur tajjeb f’partita.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Miguel spjega li kaġun tal-vizzju tad-droga huwa tilef ħafna affarijiet; iżda bis-saħħa ta’ Caritas Malta huwa reġa kiseb ħajtu lura. Madankollu …. esprima d-dieqa li missieru mhuwiex hawn sabiex jara kif inbidel b’mod pożittiv.
Miguel qal li permezz ta’ din il-ġirja jrid juri kemm hu importanti l-isports għax jagħmlek persuna li tikkommetti b’mod pożittiv, b’dixxiplina fuqek innifsek u determinazzjoni ta’ fejn trid tasal.
Minn naħa tiegħu d-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt wera apprezzament għal dan il-ġest tant nobbli fejn dan mhuwiex biss skop ta’ ġbir ta’ fondi imma hija rebħa ta’ persuna fuq id-droga.
Fis-7 ta’ April li ġej, Miguel Mifsud se jkun qed jagħmel din il-ġirja ta’ 100km fejn se jibda fl-4 ta’ filgħodu minn ħdejn il-kappella ta’ Ħad-Dingli, jgħaddi mill-Imġarr, Għajn Tuffieħa, Xemxija u mal-kumplament tal-kosta ta’ Malta sakemm jasal fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas.
Fil-passat l-eks plejer tal-futbol għamel żmien ta’ riabilitazzjoni f’dan iċ-Ċentru Terapewtiku biex jikseb ħajtu lura minn dipendenza ta’ numru ta’ snin fuq id-droga; storja ta’ ispirazzjoni li intemmet b’suċċess, grazzi għar-rieda li kellu l-istess Miguel.
//= $special ?>