University of Malta ACJ Group temmew l-ewwel round tal-Enemed Futsal League b’punti massimi meta f’partita miftuħa għal kull riżultat għelbu liċ-champions Luxol St Andrew’s bl-iskor ta’ 2-1.
L-Università marru fil-vantaġġ permezz ta’ Melvin Borg li rċieva tajjeb mingħand Guillherme Fonseca u b’xutt b’saħħtu fil-baxx għeleb lil Clint Mifsud.
Luxol għamlu l-iskor indaqs meta kien Andre Ciancio li wiċċ imb’wiċċ mal-keeper Ryan Scerri mattar siequ bil-ballun jispiċċa ġewwa. Fit-tieni taqsima, Guillherme Fonseca skorja l-gowl tar-rebħa għall-Università. B’hekk University of Malta ACJ Group temmew l-ewwel fażi ta’ dan il-kampjonat b’punti massimi minn għaxar partiti filwaqt li Luxol sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun. Referees tal-partita kienu Andrea Naudi u Arlind Subashi.
Meta intlagħab ir-round preliminari tal-E & L Futsal Trophy l-ikbar rebħa kisbuha s-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena meta għelbu lil Sliema Wanderers 10-5.
Birżebbuġa St Peter’s għelbu lil Gżira United Santa Margerita bl-iskor ta’ 4-1 filwaqt li Żurrieq Bormla rebħu l-isfida denja li offrewlhom Marsaskala Futsal minkejja li l-iskor finali kien dak ta’ 6-1.
//= $special ?>