Lokali Qorti

Għalliema mixlija b’fastidju u theddid fil-konfront ta’ żewġha

Għalliema ta’ 51 sena minn Ħal Safi ġiet mixlija li ffastidjat u użat kliem ta’ theddid fil-konfront ta’ żewġha permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni filwaqt li kkaġunat biża li kienet se tintuża vjolenza fil-konfront tiegħu, wara li l-koppja tinsab għaddejja minn proċess ta’ separazzjoni.

Fil-qorti, hi wieġbet mhux ħatija bid-difiża titlob għal libertà proviżorja. Il-prosekuzzjoni ma oggezzjonatx u argumentat li l-imputata għamlet xahar rikoverata fl-isptar Monte Carmeli. L-ispettur qalet li hi tkellmet personalment maż-żewġ konsulenti li qed josservaw lill-mara, fejn ikkonfermaw li għandha problemi ta’ saħħa mentali.

Il-Magistrat Charmaine Gauci laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest, kif ukoll it-talba li isem l-imputata ma jixxandarx fuq il-meżżi tax-xandir. Il-kundizzjonijiet għal ħelsien mill-arrest tal-għalliema huma li tiffirma l-għassa ta’ Birkirkara darbtejn fil-ġimgħa u garanzija personali ta’ 5,000 ewro.

Hija ntalbet ukoll biex tiddepożita l-passaport u l-karta tal-identita’ tagħha quddiem l-istess qorti. Kienet milqugħa wkoll talba mill-prosekuzzjoni sabiex tinħareġ ordni ta’protezzjoni favur il-vittma. Il-proskeuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Audrey Micallef. L-akkużat kien assistit mill-Avukat Mark Busutill.