“Ix-xogħol doppju u dewmien esaġerat fil-proġetti juri b’mod l-aktar ċar in-nuqqas ta’ ippjanar minn naħa tal-Gvern.” Dan kien il-messaġġ li twassal mix-Shadow Ministers Mark Anthony Sammut u Bernice Bonello waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa filgħodu mill-PN fil-Pjazza tal-Kalkara.
Ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut qal li l-proġett fil-Pjazza tal-Kalkara issa ilu għaddej ‘il fuq minn sentejn u nofs – proġett li kellu jkun komplut sal-aħħar tas-sena li għaddiet. Dan apparti li kien hemm xi xogħol li sar doppju.
Mark Anthony Sammut sostna li dan id-dewmien juri b’mod l-aktar ċar in-nuqqas ta’ ippjanar f’dawn it-tip ta’ proġetti; dan filwaqt li qal li fl-aħħar xhur inqalgħu diversi toroq li kienu għadhom kif saru fosthom fil-Mosta, Ħaż Żabbar u x-Xgħajra. Hawnhekk huwa insista illi l-PN jippretendi li l-ippjanar isir kif suppost – u mhux ikollok triq li tinqala’ biss wara sena.
Minn naħa tagħha x-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda Bernice Bonello qalet li dan id-dewmien fix-xogħolijiet ħalla konsegwenzi kbar kemm fuq ir-residenti kif ukoll fuq il-ħwienet b’uħud minnhom kienu qed jikkunsidraw li jagħlqu l-bibien tagħhom darba għal dejjem.
Hija spjegat li matul ix-xhur li għaddew saqsiet numru sostanzjali ta’ Domandi Parlamentari dwar meta se jkun konkluż dan il-proġett, bil-Ministru ripetutament ikkonferma li x-xogħolijiet kellhom ikunu lesti sal-aħħar tas-sena li għaddiet. Madankollu wasalna f’nofs it-tieni xahar tas-sena l-ġdida u t-triq għadha kollha ħofor …filwaqt li l-bandli għadu ineżistenti.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Kalkara Maria Sultana.
//= $special ?>