Lokali Qorti

Ikomplu jitressqu in-nies li ħadu l-benefiċċji soċjali bl-iskema tal-Labour

Komplew jitressaqu aktar nies mixlija li ħadu benefiċċju soċjali minn esponenti tal-Gvern hekk kif sa issa għadhom ma tressqu l-ebda persuni li organizzaw dan ir-racket. Din id-darba kienet tfajla ta’ 25 sena li ġiet kundannat sentejn ħabs sospiżi għal 42 xahar wara li ammettiet li ħadet madwar €22,000 f’benefiċċji soċjali b’qerq.

Mayreece Bugeja ammettiet li wettqet dawn ir-reati bejn Jannar 2019 u Lulju 2022 fejn ħadet flus li ma kinitx dovuta b’dannu għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u l-Gvern Malti. Minbarra s-sentenza sospiża, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnatilha biex tirrifondi lura lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali t-€22,148 li ħadet.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ, bħal ħafna mill-każijiet tmexxiet mill-Ispetturi Wayne Rodney Borg u Andy Rotin. Diġá kien żvelat kif l-eks deputat Laburista Silvio Grixti qed jissemma’ bħala l-persuna li għal snin sħaħ għen lil mijiet ta’ nies sabiex jirċievu benefiċċji ta’ diżabilità li ma kinux intitolati għalihom – flus li daħħlu fil-but tagħhhom, kull xahar, b’mod frawdolenti.

Minkejja dan it-tabib Grixti qatt ma tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan is-serq. It-Times kienet ippubblikat evidenza illi tindika li Grixti, li huwa tabib tal-familja, ipprovda dokumenti mediċi foloz lil persuni, li ġeneralment kienu ġejjin minn distretti meqjusa bħala Laburisti. Dan sabiex jirċievu ħlas ta’ madwar €450 fix-xahar f’benefiċċji soċjali; racket li ssokta anke fl-2020, taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela.