Internazzjonali

Il-Gwerra f’Gaza: Is-sitwazzjoni tal-Palestinjani f’Rafah qed issir dejjem aktar prekarja fost il-potenzjal tal-‘massakri’

In-Nazzjonijiet Uniti qed tkompli twissi li offensiva kbira tal-qawwiet Iżraeljani fuq il-belt ta’ Rafah kapaċi twassal għal sensiela ta’ massakri bla heda u waħda mill-akbar kriżijiet umanitarji fil-Lvant Nofsani għal ħafna snin.

Dan meta Iżrael jinsab determinat biex jeqred l-aħħar fortizzi tal-Ħamas fl-inħawi ta’ Rafah, lejn in-Nofsinar ta’ Gaza u fejn hemm il-mijiet tal-eluf tar-refuġjati Palestinjani li qegħdin jippruvaw jaħarbu mill-gwerra li ilha mill-bidu ta’ Ottubru.

L-Iżraeljani, fosthom il-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyaju, qed jinsistu li l-poplu tagħhom ma jistax iserraħ rasu li ma jispiċċax aktar mira għal terroriżmu jekk ma jeqirdux it-theddida mill-Ħamas f’Rafah kif ukoll fi bnadi oħra ta’ Gaza.

F’din is-sitwazzjoni, l-Iżraeljani huma akkost ta’ kollox determinati li ma jsofrux aktar attakki terroristiċi bħalma kien seħħ fis-7 ta’ Ottubru…Il-jum  meta l-grupp Ħamas wettaq l-attakki koordinati fuq iċ-ċivili u r-riservisti tal-Armata f’Iżrael —  u fejn kienu mietu ‘il fuq minn 1,200, b’mijiet oħra jisfaw midruba jew maħtufin bħala ostaġġi.

Intant, Martin Griffiths, diplomatiku Britanniku li qed iservi bħala s-Sottosegretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, wissa li l-Palestinjani f’Gaza diġà qed isofru bil-kbir ‘ mill-konsegwenzi ta’ offensiva brutali u intensiva’. Griffiths, li hu anki l-Koordinatur Ewlieni għall-Għajnuna ta’Emerġenza min-NU, fl-istess ħin, enfasizza li l-invażjoni ta’ Rafah mill-qawwiet Iżraeljani bilfors trid twassal għal katastrofi umana akbar milli qatt raw fir-reġjun.

Fl-istess ħin, Griffiths fakkar li hemm ‘il fuq sew minn miljun Palestinjan ippakkjati flimkien f’Rafah u fejn qegħdin jistennew il-mewt minn ħin għall-ieħor. Dan meta ċ-ċivili ta’ Rafah ma jistgħux isibu post sikur minbarra li għandhom ftit li xejn aċċess għall-ikel u l-mediċini.  

Madankollu, il-Prim Ministru Netanyahu ma jidhirx lest għall-kompromessi li jistgħu jnaqqsu mill-impenn militari ta’ pajjiżu biex jelimina lit-terroristi tal-Ħamas li għandhom diversi moħbiet f’Rafah,