Wara li l-Ministru Clayton Bartolo u l-Gvern ta’ Robert Abela tajjru €120,000 minn flus il-poplu Malti u Għawdxi fuq David Walliams, il-Ministru għadu qed jiddefendi din in-nefqa. Hu stqarr illi din kienet mossa ta’ marketing.
Wara li ftit tal-jiem ilu ġie żvelat kemm tajjarna flus bħala pajjiż fuq David Williams sabiex preżenta serata ta’ sagħtejn u nofs tal-Malta Film Awards, Clayton Bartolo qal li din il-manuvra saret sabiex jiġi attirat aktar xogħol lejn pajjiżna – nefqa li anke rrabjat lil diversi producers lokali.
Il-ġurnali MaltaToday u Times of Malta ddeskrivew din in-nefqa bħala mossa li ma tistax tiġi ġġustifikata, b’numru ta’ producers lokali jgħidu li serata li kellha ssir kull sena saret darba biss. Dan għaliex ma kienx hemm biżejjed sottomissjonijiet kaġun ta’ budget mill-aktar miżeru.
Din in-nefqa ta’ €120,000 ġiet żvelata wara li kien hemm ordni mill-Qorti, bil-Ministru jgħid li ma setax jiżvela l-ammont kaġun ta’ klawżola fil-kuntratt b’rabta ma’ kunfidenzjalità – dan minkejja li din l-ispiża ta’ eluf ta; ewro ħarġet minn fondi pubbliċi.
Sal-lum in-nefqa totali tal-Malta Film Awards għadha ma ġietx ippubblikata iżda diversi rapporti indikaw li x’aktarx din tammonta għal ftit aktar minn €1.3 miljun. Il-Ministru Clayton Bartolo ma pprovda l-ebda data dwar meta se tiġi ppubblikata n-nefqa totali iżda qal biss li se tkun ppubblikata fiż-żmien li ġej.
Intant, minkejja l-kritika enormi mill-producers Maltin u minkejja dawn in-nefqiet enormi minn flus il-poplu, Clayton Bartolo qal li għad għandu fiduċja sħiħa fil-Kummissarju tal-Films Johann Grech – l-istess Kummissarju li deher jipproża mal-Ministru u ma’ David Walliams waqt li mill-but tagħna ħallasnih €120,000.
//= $special ?>