Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Mellieħa jsaħħu l-ewwel post b’rebħa kbira

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Mellieħa Libertas Spalding…………118

Luxol…………………………………………….61

(29-10)(24-21)(35-15)(30-15)

Iż-żewġ timijiet kienu ġejjin minn riżultati differenti fl-aħħar ħarġa tagħhom fejn Mellieħa kienu tilfu kontra Hibs u Luxol kellhom rebħa mportanti kontra Hibernians. Però l-konfront ta’ bejniethom kien bla storja fejn Mellieħa ddominaw mill-ewwel minuta u ħadu rebħa kbira 118-61 fejn ħafna aktar kien mistenni mill-vjola li kellhom tamiet ġodda li jiksbu post fil-play-offs li issa sar diffiċli ħafna. Mellieħa kienu għal darb’oħra mingħajr David Bugeja però kellhom il-wirjiet tajba fost l-oħrajn minn Tederick Wolfe u Robert Bonnici li bejniethom qasmu 48 punt. Mellieħa għamlu l-intenzzjoniet tagħhom ċari sa’ mill-ewwel minuti fejn fetħu bi break qawwi ta’ 16-2 bi trippla ta’ Isaac Bonett u baskets minn Vukassin Jandric u Wolfe. Wara tlett punti minn Luxol, Bonnici għamel żewġ trippli konsekuttivi għal Mellieħa bit-taqsima tagħlaq bi trippla fuq kull naħa għal skor ta’ 29-10. Fit-tieni perjodu kien hemm ir-raba’ trippla ta’ Bonnici fi break qasir ta’ 7-2 minn Mellieħa. Luxol kellom risposta minn Gael Hulson, Nathan Xuereb u Tariq Woody però Wolfe għamel seba’ punti konsekuttivi biex Mellieħa daħlu jistrieħu 53-31 minn fuq.

Wara l-intervall l-andament tal-partita baqa’ l-istess fejn Mellieħa ddominaw totalment lill-avversarji b’żewġ breaks ta’ 12-2 u 16-0. Bejniethom Luxol kellhom żewġ trippli minn Nikola Jovanovic però dawn kienu ftit wisq biex iwaqqfu l-pass ta’ Mellieħa li temmew it-taqsima 88-46 minn fuq. Fl-aħħar perjodu Mellieħa komlew fejn ħallew u fetħu b’żewġ trippli mimm Kwame Thompson u Corrado Mercurio. Il-mitt punt ma kienx ‘l bogħod u l-leaders tal-klassifika laħquh b’basket ta’ Thompson u komplew bil-punti ta’ Bonnici u Bonett biex għalqu l-partita bi trippla ta’ Alexander Peacock u ħarġu rebbieħa 118-61.

Mellieħa Libertas: T. Wolfe 24, R. Bonnici 24, V. Jandric 11, I. Bonett 8, R. Carabott 4, A. Peacock 15, K. Thompson 19, E. Valdespina 5, C. Mercurio 8.

Luxol: S. Pace 4, I. Azzopardi 2, N. Jovanovic 10, A. Azzopardi 11, JP Schembri, N. Xuereb 6, G. Hulsen 4, T. Woody 11, M. Matijevic 2, S. Cappello 11.

Referees: Gordon Barbara, Nicky Azzopardi, Fanni Fabok.

Sigma Depiro……….85

Hibernians……………83

(26-17)(16-25)(20-16)(23-25)

Sigma Depiro kisbu r-raba’ rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Hibernians 85-83, rebħa li rathom jilħqu lil Luxol b’erba’ rebħiet u jnaqqsu d-distakk mill-istess Hibs li għandhom sitt rebħiet u ħames telfiet. Hibs kienu mingħajr l-Amerikan Nick Brennen fil-waqt li Depiro għadhom mingħajr Sean Galea. Depiro kellhom lil Andrew Aquilina bi 8 assists u Kameron Rooks b’19 -il rebound u 23 punt fil-waqt li għal Hibs kien hemm Mason Hix u Ivan Demcesen li bejniethom kellhom total ta’ 46 punt. Minkejja li Depiro kienu fuq quddiem għal ftit aktar minn 33 minuta, lejn it-tmiem irriskjaw serjament li jitilfu l-partita u kellhu jkun basket ta’ Cameron Cornelius fl-aħħar sekonda li tahom ir-rebħa. Il-partita kellha bidu bilanċjat bi trippla fuq kull naħa minn Luke Farrugia u Aquilina u Hibs ħadu vantaġġ ta’ basket 7-5. Hawn Depiro għamlu run ta’ 11-3 bil-punt ta’ Rooks u Nenad Bukva fost l-oħrajn. Wara li Hibs għamlu żewġ trippli oħra minn Farrugia, Depiro kellhom break ieħor qasir ta’ 10-4 bi trippli minn Aquilina u Miguel Brincat għal skor ta’ 26-17. Fit-tieni perjodu, Depiro kabbru l-vantaġġ għal 11 -il punt 31-20 però 5 punti minn Demcesen reġgħu ressqu lil Hibs viċin. Depiro komplew bil-punti ta’ Alfred Hollins flimkien ma’ Cornelius biex reġgħu fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti 42-35. Dawn però ġew newtralizzati minn Hibs li għalqu l-partita bi break ta’ 7-0 għal partita ta’ 42-42.

Fil-bidu tat-tielet sessjoni ż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin però fit-tielet minuta baskets ta’ Hix u Demcesen raw lil Hibs imorru fuq quddiem 51-49. Depiro malajr ġew lura u kellhom il-punti minn Rooks u Cornelius biex reġgħu marru 5 minn fuq u minkejja break qasir ta’ 6-2 minn Hibs, baskets ta’ Bozovic u Hollins raw lil Depiro jtemmu t-taqsima fuq quddiem 62-58. Fl-aħħar taqsima Depiro dehru li se jkomplu jamminstraw il-vantaġġ li kellhom hekk kif sas-sitt minuta kienu 10 minn fuq 78-68 wara punti ta’ Rooks u trippla ta’ Bozovic. Hibs però kellhom ħsibijiet oħra hekk kif għamlu run ta’ 15-2 li għalquha bi trippla ta’ Farrugia 29 sekonda mit-tmiem u marru 83-80 minn fuq. Depiro ippareġjaw immedjatament fl-attakk ta wara bi trippla ta’ Cornelius u kien l-istess player li sekonda mit-tmiem skorja dak li kellhu jkun il-basket tar-rebħa għal Depiro fuq skor ta’ 85-83.

SIGMA Depiro: L. Trapani, N. Bozovic 5, A. Aquilina 15, N. Grech, A. Hollins 13, K. Rooks 23, M. Brincat 5, M. Mallia 2, C. Cornelius 16, N. Bukva 6, M. Debattista.

Hibernians: P. Attard, B. Zammit 2, L. Attard, L. Farrugia 18, A. Axiaq 13, R. Aquilina, M. Attard 4, M. Hix 21, I. Demcesen 25.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Artun Bayraktar, Nestor Rincon

Starlites JSD……..84

Athleta………………79

(20-14)(22-26)(19-18)(23-21)

Quddiem żewġ settijiet ta’ partitarji storbjużi li ħolqu atmosfera sabiħa fil-padiljun, Starlites JSD u Athleta offrew partita mill-isbaħ li finalmet rat lil Starlites jieħdu r-rebħa li ħalliethom erba’ punti taħt Mellieħa però b’żewġ partiti inqas. Athleta żammew temporanjament it-tieni post tal-klassifika b’ żewġ partiti aktar mill-istess Starlites. Starlites ħadu vantaġġ ta’ 5 punti fil-ftuħ tal-partita bil-punti ta’ Davonte Craven, Kurt James, Alec Felice Pace u Matthew Scerri li rritorna għal logħob wara l-injury serja li kellhu fit-tieni finali tal-play-offs tal-istaġun li għadda. Athleta ġew lura u għamlu l-iskor indaqs però Starlites għalqu l-ewwel sessjoni bi break ta’ 10-2 għal skor ta’ 20-14. Fit-tieni sessjoni huma kabbru l-vantaġġ għal 10 punti qabel ma trippla ta’ Luca Stefanovic bdiet risposta minn Athleta li rathom jerġgħu jaslu sa’ sitt punti ‘l bogħod. Starlites wieġbu bi trippla ta’ Felice Pace flimkien ma’ basket ta’ Craven qabel ma Athleta għamlu run ta’ 10-3 bi trippla ta’ Dajuan Moorer u l-punti ta’ Malik Riddle u Francesco Mifsud Bonnici. Starlites għamlu 4 punti oħra però kienu Athleta li temmew is-sessjoni b’sitt punti mingħajr risposta għal skor ta’ 42-40.

Wara l-intervall Starlites kellhom run oħra ta’ 10-3 b’żewġ trippli ta’ Matthew Attard flimkien ma’ James għal skor ta’ 54-46. Ir-risposta ta’ Athleta ġiet minn Riddle u Piotr Stelmach biex waslu sa’ punt ‘l bogħod. Starlites reġgħu ħadu l-vantaġġ bil-punti ta’ Christian Hinckson u temmew il-perjodu 61-55 minn fuq. L-aħħar taqsima fetħet b’run ta’ 17-3 minn Starlites bit-trippli ta’ Felice Pace, James u Hinckson biex ħadu l-akbar vantaġġ fil-partita 78-64. Athleta tħabtu biex jirkupraw u għamlu erba’ trippli u fil-fatt waslu sa’ 4 punti ‘l bogħod però l-ħin kien kontra tagħhom u Starlites żammew il-vantaġġ sat-tmiem għal skor finali ta’ 84-79.

Starlites JSD: A. Felice Pace 20, C. Hinkson 20, M. Attard 6, S. Aquilina, I. Felice Pace, M. Fabri 3, M. Scerri 2, D. Craven 11, L. Farrugia, J. Bourke Doggett 3, N. Sultana, K. James 19.

Athleta: M. Riddle 26, F. Mifsud Bonnici 4, N. Buhagiar, L. Stefanovic 3, D. Moorer 13, M. Gouder 10, E. Abela, R. Abela, P. Stelmach 20. A. Bozanic, A. Garzia, J. Cefai.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Fiorentina Ciurariu, Nestor Rincon