Futbol Sport

Liverpool se jaqtgħu xewqet Sven-Goran Eriksson

Liverpool FC ikkonfermaw lil Sven-Goran Eriksson bħala parti mill-istaff tekniku għall-partita ta’ ħbiberija bejn Liverpool Legends u Ajax Legends, li se tkun qed tintlagħab fit-13 ta’ Marzu li ġej.

F’Jannar li għadda Eriksson ħabbar hu stess li marid b’kanċer terminali u jekk ikun xortih tajba jista’ jgħix sa massimu ta’ sena.

Wara din l-aħbar, il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp kien qal publikament li qed joffri l-opportunità lil Eriksson li għal ġurnata jieħu l-irwol tiegħu hekk kif l-Iżvediż dejjem kellu l-ħolma li jmexxi lil Liverpool.

L-eks manager tat-Tim Nazzjonali Ingliż se jkun qed jingħaqad fuq il-bank ma’ leġġendi tar-Reds bħal Ian Rush, John Barnes u John Aldridge għal din il-partita li l-għan tagħha se jkun li jinġabru flus għal-LFC Foundation.

Għal din il-partita diġa’ tħabbru bosta plejers famużi li lagħbu ma’ Liverpool fil-passat, bħal goalkeepers Jerzy Dudek u Sander Westerveld.

Plejers oħra huma Martin Skrtel, Fabio Aurelio, Gregory Vignal u Djibril Cisse filwaqt li Ryan Babel se jkun qed jilgħab maż-żewġ timijiet.

Fl-aħħar żewġ partiti għall-karità organizzati minn LFC Foundation, kontra Manchester United Legends u Celtic Legends inġabret is-somma totali ta’ £1.45 miljun li qed jintużaw f’xogħlijiet diversi fil-komunità ta’ Liverpool u anke oħrajn.

Fil-jiem li ġejjin se jkunu mħabbra aktar plejers li se jipparteċipaw f’din il-partita.