Lokali Qorti

Sewwieq ta’ mutur ma jingħatax raġun f’inċident li kellu ma’ bowser u karozza f’Birkirkara

Sewwieq ta’ mutur li ntlaqat minn bowser u karozza kellu t-talba għall-kumpens miċħuda mill-Imħallef Mark Simiana minħabba li t-tort tal-inċident kien tiegħu. Dan peress li huwa qabeż vettura fi triq li ma kellux jaqbeż u li kienet ta’ periklu meta seħħet tali manuvra.

Eugenio Formosa fetaħ proċeduri fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Mario Vella u Antonio Ciancio fejn żammhom responsabbli għall-inċident li kien seħħ fid-19 ta’ April 2013 fi Triq in-Naxxar, Birkirkara. Formosa kien qed isuq mutur Honda meta ntlaqat minn trakk Leyland Constructor misjuqa minn Vella u Peugeot 106 misjuqa minn Ciancio.

Ir-raġunament ta’ Formosa kien li meta kien għaddej minn ħdejn il-fergħa tal-Bank HSBC isuq wara l-bowser ra l-ilma jqattar u għalhekk ipprova jaqbżu. X’ħin qabżu Vella qala’ ‘l barra biex jevita xi karozzi pparkjati u għalaqlu t-triq bil-konsegwenza li spiċċa ntlaqat mill-karozza misjuqa minn Ciancio li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta.

Minn naħa tiegħu Vella qal ukoll li dak il-ħin hu kien wieqaf u daħal ftit ‘il ġewwal ħalli jagħmel wisa’ lil karozza tal-linja li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta u l-mutur daħal fih. Ciancio xehed li huwa kien wieqaf maġenb il-bowser minħabba t-traffiku u r-rota tal-mutur inqabdet mas-sellum tal-ħadid tal-bowser u bil-moviment tal-bowser il-mutur waqa’. L-Imħallef Simiana qal li minn dak li sema’ mill-partijiet mill-provi oħra li nġiebu quddiemu rriżultalu li l-inċident seħħ tort tas-sewwieq tal-mutur.

Dan fid-dawl tal-fatt ukoll li fil-punt partikolari tat-triq fejn seħħ l-inċident, il-wisa’ tat-triq kienet tali li tippermetti biss il-passaġġ ta’ żewġ vetturi, waħda minn kull direzzjoni. Dan kien hekk minħabba li kien hemm vetturi parkeġġjati fiż-żewġ naħat tat-triq.

Lanqas ma jirriżulta li l-karozza ta’ Ciancio kaxkritu u għafsitu mal-bowser u lanqas ma jidher li meta seħħ l-impatt bejn il-karozza u l-mutur dan tal-aħħar kien wieqaf. Dak li seħħ hu li iddeċieda li jaqbeż lil Vella. Minħabba l-preżenza ta’ vetturi parkeġġjati fuq kull naħa tat-triq, kif ukoll minħabba l-kobor tal-vettura ta’ Vella, din il-manuvra tas-sorpass neċessarjament ħadet lill-attur fuq il-karreġġjata opposta.

Meta mbagħad Vella beda jangola l-vettura tiegħu biex jaqla’ l-vettura parkeġġjata fuq in-naħa tiegħu, l-attur sab l-ispazju li kellu qed jonqos u jispiċċa kompletament, u minflok waqaf, tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu u spiċċa taħt ir-roti tal-vetturi l-oħra, għalkemm mhux ċar jekk hux taħt ir-roti tal-vetturi taż-żewġ konvenuti jew ta’ Ciancio biss.

L-Imħallef irrimarka wkoll kif għalkemm Ciancio għamel żball meta telaq minn fuq il-post huwa mar l-għassa tal-Pulizija biex jgħarrafhom b’dak li ġara. Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Imħallef Simiana ma sabx lil Vella u lil Ciancio responsabbli tal-inċident u waqt li sostna li kien Formosa waħdu li jaħti għalih irrifjutalu t-talba għall-kumpens.