Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kkonfermat sentenza ta’ tliet snin ħabs fil-konfront ta’ raġel ta’ 55 sena minn San Ġiljan, li kien instab ħati mill-ewwel Qorti li kkaġuna vjolenza psikoloġika fuq missieru ta’ 87 sena u li ġieli heddu li jifgaw jekk ma jagħtihx il-flus għad-droga. Kemm il-darba qallu wkoll li jobgħodu.
Il-Qorti tal-Appell qalet li l-Qorti tal-Maġistrati kienet korretta fl-evalwazzjoni tagħha dwar is-sentenza. Huwa ħati li fil-31 ta’ Marzu 2023, u fil-ġranet u xhur ta’ qabel, f’San Ġiljan ikkaġuna biża’ fuq missieru. Huma kienu jgħixu fl-istess dar.
Wara li nstemgħu l-provi, fl-24 ta’ Ottubru li għadda huwa kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati u mar tliet snin ħabs. Ir-raġel li ismu mhux qed jissemma biex tiġi protetta l-identità tal-vittma, appella mis-sentenza quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.
Il-Pulizija bdiet tinvestiga dan il-każ wara rapport li sar mill-missier meta ibnu kien ilu s-snin ma jaħdimx u kellu l-vizzju tal-kokaina u l-eroina u ġieli kkonsma d-droga quddiemu. B’dieqa kbira, l-missier qal lill-pulizija kif ibnu qajmu għal darba tnejn mis-sodda biex jagħtih €40 kull darba għad-droga.
Qal li tah il-flus għax kien jibża minnu. Qal ukoll li meta rrifjuta li jagħtih aktar flus, ibnu qallu “għandi aptit nifgak bl-imħadda”. L-anzjan qal lill-pulizija li li ma kinitx l-ewwel darba li ibnu heddu u kien jibża’ jorqod li ma jmurx jagħmillu xi ħaġa bil-lejl. Il-missier qalilhom ukoll li ibnu qallu li jobogħdu, joffendih u kuljum beda jsir aktar aggressiv.
Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Scerri Herrera qieset li mir-rapport tas-social worker irriżulta li r-riskju għall-missier kien wieħed għoli u qieset li ibnu għandu karriera ta’ reati li bdew mindu kellu biss 20 sena. Fost ir-reati li wettaq kien hemm serq, sekwestru ta’ persuna u ġarr ta’ sikkina fejn kien ikkundannat ukoll t;iet snin u nofs ħabs.
Mir-rapport tas-social worker irriżulta li l-iben kien affettwat mill-fatt li l-ġenituri nfirdu meta kien għadu tifel. Ħareġ ukoll li qabel ġew lura Malta mill-Ingilterra fejn kienu jgħixu, missieru kien bagħtu f’istitut fejn kien anke ġie abbużat.
Ħareġ wkoll li ta 18-il sena beda jieħu d-droga u spiċċa fil-ħajja tal-kriminalità. Is-social worker qalet li l-iben kien jeħtieġ li jeħel piena ta’ ħabs effettiva biex jindirizza l-vizzju. Fid-deċiżjoni tagħha l-Imħallef Scerri Herrera qalet li minn dan il-każ ħareġ li r-raġel jobgħod lil missieru u li kien hemm bżonn li jintbagħat il-ħabs biex jindirizza l-vizzju tad-droga.
Għaldaqstant kienet ikkonfermata piena ta’ tliet snin ħabs, nħarġet ordni biex jieħu t-trattament għad-droga u anke l-ordni ta’ trażżin għal tliet snin biex ikun protett il-missier.
//= $special ?>

