Internazzjonali

Ukrajna: L-għarqa tas-‘Caesar Kunikov’ tfisser disfatta kbira għall-Flotta Russa tal-Baħar l-Iswed

Il-qawwiet tal-Ukrajna rnexxielhom jeqirdu bastiment tal-gwerra tar-Russi ‘il hinn mill-kosta tal-Krimea li hi okkupata mill-qawwiet tal-Kremlin.

Il-bastiment Caesar Kunikov, tat-tip amphibian u li kellu l-kapaċità li jidħol fl-aktar ibħra baxxi, intlaqat minn numru ta’ drones li jintużaw speċifikament għall-attakki fuq il-miri navali.

Intant, is-Caesar Kunikov – li jmur lura għall-era tal-Unjoni Sovjetika — għereq ftit wara li nstemgħu sensiela ta’ splużjonijiet kbar, bl-osservaturi barranin jaqblu li l-iżvilupp għandu jitqies bħala disfatta enormi għall-Kremlin u għall-President Russu Vladimir Putin.

Is-servizzi sigrieti tal-Ukreni żvelaw li d-drones li qerdu lill-bastiment kienu tat-tip Magura V5 u li dawn id-drones qed ikunu strumentali fl-azzjonijiet kontra l-vapuri tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed tar-Russja fil-Krimea.

L-attakk seħħ wara li ħafna mill-vapuri tal-Flotta Russa kienu telqu mill-penisola tal-Krimea lejn il-port ta’ Novorossiysk fil-Baħar l-Iswed.

L-għarqa tal-vapur u ċ-ċirkustanzi li wasslu għaliha serqu l-attenzjoni qabel laqgħa ministerjali tan-NATO fi Brussell – u fejn is-Segretarju Ġenerali tal-Alleanza tal-Punent, Jens Stoltenberg, qal li l-qawwiet Ukreni kisbu r-rebħiet sinifikanti fix-xhur riċenti u meta  qegħdin jolqtu b’suċċess il-bastimenti tal-Flotta Russa.

Ir-Russja, min-naħa tagħha, ma konfermatx l-għarqa tal-bastiment fil-Baħar l-Iswed, bir-rapporti minn Moska ‘jivverifikaw’ biss il-qerda ta’ sitt drones sparati mill-Ukreni.

Madankollu, id-direttorat tas-servizzi sigrieti Ukreni bagħat messaġġ li d-drones kienu laqtu direttament lis- Caesar Kunikov meta l-bastiment kien ftit ‘il hinn minn Alupka, waħda mill-ibliet mal-kosta tal-Krimea. Ingħad ukoll li l-protagonista wara l-attakk kienet taqsima militari tal-Ukreni bl-isem Grupp 13.

Fl-istess ħin, il-bloggers militari Russi ma ċaħdux li l-bastiment kien intlaqat bid-drones minbarra li sostnew li l-membri tal-ekwipaġġ salvaw mill-attakk. Il-militar tar-Russja rari jirrapporta d-disfatti kbar għall-qawwiet tiegħu u l-poplu Russu bilfors irid jiddependi fuq numru ta’ bloggers popolari għall-informazzjoni konkreta dwar il-gwerra.