Lokali Qorti

Xahar ħabs wara li saq il-karozza tal-imgħallem tiegħu waqt li kien fis-sakra

Hasan Alhani Abdula ta’ 23 sena, ta’ nazzjonalità Sirjana u residenti Marsascala tressaq il-Qorti mixli u ammetta li saq l-karozza tal-imgħallem tiegħu mingħajr permess meta kien taħt l-effett tax-xorb u mingħajr polza tal-assugurazzjoni u liċenzja tas-sewqan. Huwa ġie kundannat xahar ħabs.

Il-Maġistrat Charmaine Galea spjegat lill-imputat li ammissjoni bħal din iġġorr multi u pieni ħorox fosthom il-piena ta’ sitt xhur priġunerija. Il-prosekuzzjoni u difiża qablu li sentenza sospiża hija waħda idonea.

Madanakollu, il-Magistrat qalet li hemm bżonn ngħaddu l-messaġġ li ma jistax jibqa’ jkollna każijiet ta’ sewqan taħt l-effett tax-xorb. Wara li l-qorti tat żmien biżżejjed lill-akkużat biex jerġa’ jaħsiba, huwa kkonferma l-ammissjoni tiegħu.

Il-Qorti kkundannat lil Abdula għal 30 gurnata habs u skwalifikatu milli -jagħmel użu mill-liċenzja tas-sewqan ghal tliet xhur mid-data tas-sentenza. Il-proskeuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Kitcher. L-akkużat deher assistit mill-Avukat tal-għajnuna legali Ingrid Zammit Young.