Waqt li kien qed jindirizza konferenza organizzata min-National Cancer Platform b’rabta mal-Jum Dinji tal-Kanċer il-President ta’ Malta George Vella insista illi l-kanċer jibqa’ fost l-akbar sfidi li trid tirbaħ il-mediċina.
Fid-diskors tal-ftuħ għal din il-konferenza, il-President Vella qal illi jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet jiffukaw fuq l-edukazzjoni u l-għarfien dwar x’inhu l-kanċer, dwar il-perikli tiegħu u kif jista’ jiġi evitat fejn hu possibbli.
Irrimarka li minkejja l-għarfien li hawn, xorta waħda għad hawn min jinjora twissijiet li jsiru kontra t-tipjip u x-xorb eċċessiv, fost oħrajn, u x’effett jista’ jkollhom fuq saħħitna sustanzi bħad-droga.
Minkejja l-iżviluppi f’dan il-qasam, il-President stqarr li fadal ħafna xi jsir u li għad hemm bżonn tal-għaqdiet li jaħdmu b’tant dedikazzjoni f’aspetti differenti tal-kanċer.
In-National Cancer Platform, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, tiġbor flimkien disa’ għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu jew huma interessati f’xi aspett relatat mal-pazjenti morda bil-kanċer f’Malta: dawn huma l-Action for Breast Cancer Foundation, Alive Charity Foundation, Aurora Support Services, Europa Donna Malta, il-Hospice, Karl Vella Foundation, il-Malta Community Chest Fund, il-Malta Colorectal Cancer Awareness Group u Puttinu Cares.
Il-President Vella rringrazzja lil kull min huwa parti min-National Cancer Platform li twaqqfet fl-2015, sabiex ikompli x-xogħol siewi fis-settur tal-kura kontra l-kanċer.
Fil-ftuħ tal-konferenza fil-Palazz Verdala, Noel Buttigieg Scicluna, Chairman ta’ din il-pjattaforma, irringrazzja lill-President u lis-Sinjura Vella għas-sehem attiv tagħhom bħala patruni tan-National Cancer Platform. Preżenti wkoll ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Stephen Spiteri.
//= $special ?>