Pajjiżna għandu bżonn industrija tal-films li sservi lil Malta, u mhux l-ego ta’ Kummissarju u l-Ministru tiegħu.
Kien b’dan il-kliem illi l-editur tat-Times għalaq il-kummentarju tiegħu dwar l-aħħar skandlu li inqabad fih il-Gvern ta’ Robert Abela – skandlu ta’ eluf ta’ ewro li litteralment ġew imberbqa għall-preżentazzjoni tas-serata tal-Malta Film Awards – iċ-ċifra ta’ €120,000 li l-Gvern baqa’ sal-aħħar iżommha mistura.
Bl-editorjal tal-Ħamis jgħid li t-tmexxija ta’ Johann Grech bħala Kummissarju tal-Films kienet “masterclass fis-segretezza”. U li bħala pajjiża qed nassistu għal serqa mit-taxxi tal-poplu; dik li t-Times sejħitilha ‘money heist’.
L-editur ta’ dan il-ġurnal jgħid li quddiem dawn l-istejjer kollha li assistejna għalihom fl-aħħar snin, Johann Grech għandu jirriżenja immedjatament. Bil-kritiċi tiegħu jgħidu li Grech għadu medhi fuq ‘l hekk imsejjaħ “ego trip” finanzjat minn fondi pubbliċi.
L-istess editorjal fakkar ukoll kif bħala pajjiż, konna nkunu kapaċi niffinanzjaw diversi inizjattivi għall-ġid tal-poplu – iżda l-Gvern għażel dik li t-Times sejħet “glamour”, minflok ingħataw għajnuniet lill-artisti, mużiċisti u atturi lokali.
