Lokali

Il-media tal-Partit Laburista terġa’ tinqabad f’gidba oħra

Minn fejn ġew iċ-ċifri? 80,000 jew 47,000?

Il-media Laburista jidher li m’għandha ebda limitu fejn jidħol il-livell li fih tista’ tasal l-immaġinazzjoni biex tinħoloq ‘fake news’ – tant li issa s-Super One spiċċa biex anke dwar il-Karnival joħloq gidba.

Fil-fatt waqt li l-Għawdxin u n-nies fin-negozju jinsabu sodisfatti bin-numri li kellhom waqt il-weekend tal-Karnival, il-media tal-Partit Laburista provat tamplifika n-numri b’rappurtaġġ illi jgħid b’mod qarrieq li lejn Għawdex qasmu d-doppju tan-nies – meta dan mhuwiex minnu.

In-numri tal-Gozo Channel juru li bejn il-gżejjer qasmu 42,000 persuna. Imbgħad, kien hemm 4,800 illi qasmu għall-jiem tal-Karnival bil-fast ferry.

Net News jista’ jikkonferma li dawn kienu ċifri tajbin għall-industirja turistika Għawdxija, tant li l-ammont komplessiv ta’ 47,000 (kif rappurtat mit-Times) jindika li bqajna fuq l-istess livelli ta’ snin preċedenti.

Iżda s-Super One minn naħa tagħhom għażlu li jirduppjaw dawn in-numri meta qalu li “aktar minn 80,000 passiġġier” qasmu lejn Għawdex fil-jiem tal-Karnival. B’nies fis-settur jgħidulna li din iċ-ċifra tgħodd lil kull persuna darbtejn – meta individwu qasam lejn Għawdex, u meta niżel lura Malta. U kien għal din ir-raġuni li l-media Laburista ġabet ċifra d-doppju ta’ kemm verament qasmu nies għall-Karnival.

Din tal-lum hija it-tieni fake news f’temp ta’ jumejn mill-magna ta’ Robert Abela, wara li ħolqu storja fittizja dwar il-President tal-Parlament Ewropew.