Lokali Qorti

Multa ta’ €850 u probation għal raġel li jdoqq fit-triq wara li beżaq f’wiċċ Pulizija

Arġentin ta’ 43 sena, li huwa homeless ingħata sentejn probation u ġie mmultat €850 wara li ammetta li beżaq f’wiċċ Surġent tal-Pulizija wara li qallu li se jkollu jarrestah wara li naqas li jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija. Huwa ammetta li rreżista l-arrest fil-konfront ta’ Surġent tal-Pulizija u Kuntistabbli, f’każ li seħħ nhar l-Erbgħa, li għaddew.

Pablo Enrique jaqla’ l-għixien tiegħu billi jdoqq fit-triq fil-Belt, Valletta. L-Ispettur Gabriel Micallef li flimkien mal-Ispettur Jeffrey Rizzo ressquh il-Qorti qal li l-imputat huwa ‘street performer; fejn idoqq u jkanta bi speaker iżarżar.

Ingħad mill-prosekuzzjoni li kull fejn beda jdoqq beda jdejjaq in-nies u saru diversi lmenti l-għassa tal-Pulizija tal-Belt. Hu kien ġie avvicinat tliet darbiet mill-Pulizija minħabba rapporti li sar fil-konfront tiegħu. Fosthom fi Pjazzaa La Valette fejn kien qed idejjaq lin-nies li jahdmu fl-uffiċini tal-madwar.

L-Ispettur Micallef qal li Enrique ma kkoperax mal-pulizija, anzi offendihom. Surġent qallu li se jkollhom jarrestawh. Hawn beda jinjorahom u kompla jkanta. Huwa rreżista wkoll l-arrest. Surġent kellu jżommu fl-art u l-akkużat beżaqlu f’wiċċu.

Huwa ammetta wkoll li nġurja u hedded membri tal-Korp tal-Pulizija, bl-iskop li jbeżżagħhom u ma jħallihomx jaqdu dmirhom, li kiser il-paċi pubblika u li naqas li jobdi l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. L-Avukat tal-għajnuna legali Mario Caruana qal li għalkemm skont hu l-arrest ma kienx gustifikat, il-klijent tiegħu kien se jammetti l-akkużi, anke jekk dan kien każ sfortunat.

“Il-klijent qalli li ma kellu l-ebda intenzjoni jobżoq. Apprezza li pulizija kienu qed jagħmlu xogħlhom, imma jgħid li meta kien qed isir l-arrest tfixkel u l-beżqa ma kienitx indirizzata lejn Pulizija. Huwa wkoll skuża ruħu lill-pulzija. Qal li kienet kwistjoni ta’ nuqqas ta’ ftehom minħabba il-lingwa. Dr. Caruana talab lill-Qorti tikkunsidra dan kollu fil-piena. Wara li qieset iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ huwa ingħata proabtion għal sentejn u multa ta’ €850.