Kultura Lokali Mużika

“Mużika Mużika” – Pjattaforma għal-lingwa Maltija

Tħabbru d-dettalji tar-raba’ edizzjoni tal-festival tant popolari mal-Maltin – il-festival “Mużika Mużika” – li jagħti spazju lit-talent Malti biex joffru l-aqwa mużika Maltija oriġinali.

B’kollox hemm għall-ewwel darba 20 kompożizzjoni Maltija li se jkunu preżentati live …akkumpanjati mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

Din is-sena l-palk ta’ “Mużika Mużika” ser ikun qed jinkludi elementi 3D biex juri moviment bil-viżwali minn kwalunkwe angolu, kif ukoll għadd kbir ta’ LED screens u elementi jiċċaqalqu li ser jikkumplimentaw l-istil uniku tal-palk.

Il-festival se jsir bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu u l-biljetti għal dawn is-serati diġa huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-festival.

Iċ-Chairperson ta’ “Mużika Mużika”, Ray Bugeja, saħaq fuq l-importanza tal-festival, li sena wara sena jibqa’ jgħolli l-livell tiegħu kemm fejn tidħol produzzjoni kif ukoll fuq livell artistiku. Hu żvela li l-preżentaturi ta’ din is-sena se jkunu Keith Demicoli, Clare Agius u Moira Delia.


Din is-sena wkoll se naraw “Il-Lejla tal-Klassiċi” nhar il-15 ta’ Marzu, b’kanzunetti klassiċi Maltin interpretati minn artisti lokali stabbiliti. Imbgħad, il-mistednin speċjali Gianluca Bezzina u Shaun Farrugia se jkunu fis-serata finali.

L-aħħar edizzjoni tal-festival kienet intrebħet mill-kanzunetta “Sabiħa”, interpretata minn Gianluca Bezzina – b’kompozizzjoni ta’ Philip Vella u lirika ta’ Joe Julian Farrugia.