Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li fera lit-tfajla tiegħu wara li kisser it-tieqa tal-kamra tagħha

Żagħżugħ ta’ 23 sena ġie kundannat erba’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn bil-Qorti tordnalu biex għal sena sħiħa ma jersaqx lejn l-eks tfajla tiegħu wara li nstab ħati li feriha ħafif. Il-każ seħħ fit-12 ta’ Marzu, tal-2022 fiż-Żejtun. Kollox beda kmieniu filgħodu wara li l-vittma u missierha skoprew li xi ħadd kien kisser il-ħġieġa tat-tieqa tal-kamra tat-tfajla.

Il-Qorti kellha kliem iebes fil-konfront ta’ Sven Bonnici li qabel kien instab ħati fuq reati ta’ pusses ta’ droga. Tant ma kellux rimors li fuq dak li ġara, huwa qal-‘mhux tgħaddi ma’ l-oħrajn’. Kemm it-tfajla kif ukoll missierha xhedu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fejn qalu li l-każ seħħ quddiem id-dar tagħhom. Huma kienu niżlu quddiem il-parapett wara li ndunaw li xi ħadd kisser il-ħġieġa tat-tieqa u dan skont it-tfajla meta hi kienet rieqda.

Hi dlonk qamet meta semgħet ħoss u sabet it-tieqa mkissra. Wara niżlet isfel ma’ missierha u għalkemm ma kien hemm ħadd ftit wara rat lil Sven Bonnici ġej bil-karozza. Tenniet li ħareġ mill-karozza u taha daqqa biċ-ċatt f’widnejha. Il-biċċa eskalat tant li anke il-missier u l-imputat spiċċaw ġew fl-idejn.

Qalet fil-Qorti li kienu ilhom jafu lil xulxin minn mindu kien żgħar ħafna. Fi-fatt sa l-inċident kien ilhom sitt snin flimkien iżda qatt ma kienu semmew iż-żwieġ. Sostniet li kienet tiltaqa’ miegħu minn wara dahar il-ġenituri tagħha. 

Hi qalet li qatt ma riedet tieħu passi kontrih u kien missierha li kkonvinċieha tagħmel rapport lill-pulizija għax dak iż-żmien kienet għadha tħobbu u ma setgħetx tagħraf l-abbuż li kienet għaddejja minnu. Min-naħa tagħha xehdet li minkejja kollox kienet lesta taħfirlu.

Missierha xehed li l-imputat beda jheddidha u jgħajjat u anke jhedded lilu u jisfidah għall-ġlied. Qal li ħin minnhom qabad lil bintu biex isawwatha. Qal li taha daqqa f’widnejha u ċartilha wkoll il-flokk.  Qal li meta l-imputat reġa’ mar u kien se jsawwatha, hu laqagħlu billi xejjirlu daqqa u laqtu bi żbrixx. Qal li l-imputat tah daqqa lura.

Min-naħa tiegħu, Bonnici għażel li ma jixhidx u ċaħad dawn l-akkużi. Mal-Pulizija huwa qal li kienu għadhom flimkien iżda dakinhar ma ltaqgħux għax qaltlu li ħierġa ma’ xi nisa kollegi tax-xogħol. Qal li ma emminhiex u mar jiċċekkja u raha ma’ tliet irġiel.

Xhed li mar id-dar u ċaħad li resaq lejn darha u kisrilha l-ħġieġa. Huwa ċaħad dak li qal missierha u qal li kien missierha li tah xebgħa. Kompla li mar l-isptar iżda ma għamilx testijiet għax kellu n-ngħas u telaq. Il-Qorti qalet li m’għandhiex dubju mix-xhieda tat-tfajla u missierha dwar l-inċident.

Qalet li huma kienu konsistenti fix-xhieda tagħhom. Għaldaqstant hija sabitu ħati li weġġgagħha iżda mix-xhieda tat-tobba sabitu li darabha ħafif. Il-Qorti nnotat li kif minkejja li dak iż-żmien kellu biss 21 sena, Sven Bonnici, diġà kien instab ħati ta’ reati oħra fosthom pussess ta’ droga.

Qalet li għalkemm ingħata diversi sanzjonijiet fil-komunità hu baqa’ ma tgħallimx. Qalet li ma wera ebda rimors għal għemilu jew li hu dispost li jirriforma ruħu tant meta kien mistoqsi kif iħossu dwar li ġara lit-tfajla huwa wieġeb “mhux tgħaddi mal-oħrajn?” u baqa’ jwebbes rasu li anke jekk xi ħadd spiċċa weġġa’, hu ma għamel xejn ħażin. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef.