Għawdex Kultura Lokali

Għawdex magħżul għat-titlu Ewropew tal-Gastronomija

Wara żjara ta’ ġurija internazzjonali, illi saret bejn it-12 u l-14 ta’ Frar, Għawdex ġie rakkomandat biex jingħata t-titlu ta’ Reġjun Gastronomiku Ewropew għas-sena 2026.

Il-ġurija internazzjonali, magħmula minn ħames membri, daqet ftit mill-ħajja tradizzjonali Għawdxija bħat-taħlib tal-mogħoż, il-produzzjoni tal-ġbejna u tisjir tal-ftira Għawdxija. Iltaqgħu ukoll ma’ sajjieda Għawdxin, raħħala, u imprendituri li jaħdmu fis-settur turistiku.

Il-ġurija esplorat ukoll il-konnessjoni bejn ir-reliġjon u l-gastronomija billi osservaw id-differenza fl-ikel tradizzjonali – inkluż l-ikel sinonimu ma’ żmien il-Karnival, u dak ta’ żmien ir-Randan.

Meta kienu f’pajjiżna aktar kmieni din il-ġimgħa, huma żaru fost l-oħrajn it-Tempji tal-Ġgantija u s-Santwarju Ta’ Pinu, filwaqt li esperjenzaw il-karnival spontanju tan-Nadur.

Il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex kien applika għal dan it-titlu rinomat f’April li għadda biex ikompli jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni għal min iħobb l-ikel. U issa, jonqos biss it-tħabbira uffiċjali li se ssir 4 xhur oħra – sabiex b’hekk, fl-2026, Għawdex ikollu it-titlu tar-Reġjun Ewropew tal-Gastronimija.