Lokali Qorti

Il-benefiċċji soċjali meħuda b’qerq: Daħħlu anzjana f’bawxata waqt attività tal-Labour

Anzjana ta’ 63 sena, intortament daħlet f’bawxata f’każ relatat mal-benifiċċji soċjali li kienu qegħdin jingħataw b’qerq minn esponenti tal-Labour. Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ħareġ li l-anzjana minn Ħal Tarxien kienet twaqqfet minn persuna waqt attività tal-Labour f’Raħal Ġdid, li offrielha biex tidħol fl-iskema.

L-Avukat Jason Azzopardi li deher għal mara li kienet mixlija li fis-sena 2020 ħadet benefiċċji soċjali li ma kienitx intitolata għalihom, qal li l-mara li għandha IQ baxx, u li hi vittma taċ-ċirkostanzi. L-akkużata, pensjonanta u mara tad-dar rċiviet madwar €15,000 f’benefiċċji u spiċċat tieħu self biex tirrifondi l-flus. Minnhom diġa’ ħallset €10,000 .

Waqt l-interrogatorju, hi qalet lill-pulizija li kienet miexja fi Triq Guże D’Amato f’Raħal Ġdid, eżatt biswit il-Knisja ta’ Kristu Re fejn kien hemm attività taħt it-tinda tal-Partit Laburista fil-pjazza.

Hemm kien hemm ragel bil-ġlekk u l-ingravata li mar fuqha, staqsiha jekk tbatiex minn xi ħaġa u jekk kellhiex bżonn l-għajnuna.  Hi qaltlu li kienet ilha snin kbar tbati minn depressjoni qawwija, u dan ir-raġel tal-ġlekk qalilha, ‘mela ħa ngħinuk’.

Hu dlonk taha formola u qalilha biex tiffirmaha u l-kumplament tħalli f’idejn il-Partit Laburista għax huma qegħdin hemm biex jghinu lin-nies. Wara ftit jiem il-mara rċeviet biex tidher quddiem il-Bord Mediku fejn damet biss tliet minuti u qalulha li hi għaddiet u kellha tibda tirċievi l-pagamenti, kif fil-fatt ġara.

Waqt it-trattazzjoni fuq il-piena l-Avukat Jason Azzopardi qal lill-qorti li l-akkużata kienet inġenwa. L-Avukat Azzopardi stieden lill-qorti biex tifli sew is-sitwazzjoni ta’ dan il-każ, fejn il-mara tbati minn dipressjoni severa u li għalhekk din m’għandhiex tingħata sentenza ta’ ħabs sospiża. Hu qal li fiċ-ċirkostanzi għandha tingħata probation jew servizz fil-kommunità. Il-Qorti ħalliet is-sentenza għat-23 ta’ April fid-9.15am.