Kunsilli Lokali Lokali

Il-Ministru jmur lura minn kelmtu; Il-Festival tal-Logħob tan-Nar mhux se jerġa’ jsir f’Marsaxlokk

Fl-aħħar sigħat sar magħruf li l-Festival tal-Logħob tan-Nar mhux se jerġa’ jsir f’Marsaxlokk wara li l-Ministru tat-Turiżmu, Clayton Bartolo mar lura mill-wegħda li kien għamel lill-Kunsilliera.

Dan ħabbru l-Kunsillier Laburista ta’ Marsaxlokk, Danièl Zerafa permezz ta’ post fuq Facebook fejn ikkritika l-fatt li l-Gvern Laburista sab €120,000 x’jagħti lil David Walliams sabiex preżenta serata ta’ sagħtejn u nofs tal-Malta Film Awards iżda flus biex isir dan il-Festival tant mistenni mill-Maltin ma sabx.

Zerafa qal li “sena ilu kien kellem lill-Ministru tat-Turiżmu u wegħdu li dis-sena 2024 isir ġewwa Marsaxlokk.” Iżda jidher li din il-wegħda sfaxxat fix-xejn hekk kif waqt laqgħa mal-Awtorità tat-Turiżmu li saret madwar ħmistax ilu qalulhom li minflok il-logħob tan-nar se jsir biss logħob tal-art.

Il-Kunsillier Laburista qal li tul dawn l-aħħar snin innota kif membri fil-Gvern dejjem “inqdew b’Marsaxlokk permezz ta’ posters u reklami bħala vetrina għal Malta jew għal ‘spots’ politiċi”.

Huwa kkritika l-fatt li l-Gvern Laburista bħal nesa kompletament lil Marsaxlokk meta ppoppa sidru quddiem l-ammont ta’ turisti iżda naqas milli jindirizza l-fatt li nofs dawk li ġew f’pajjiżna għal vaganza ma żarux lil Marsaxlokk.

Danièl Zerafa qal kif tul dawn l-aħħar snin innota kif dan il-Festival ittieħed mix-Xlokkajri sabiex minflok jibda jsir fid-distrett tal-Ministru Clayton Bartolo, propju fil-Mellieħa. Liema festival kien sar tradizzjoni ta’ Marsaxlokk hekk kif kien ilu s-snin isir hemmhekk.