Internazzjonali

Is-Senegal: Id-deċiżjoni għall-posponiment tal-elezzjoni marret kontra l-Kostituzzjoni

L-Ogħla Qorti fis-Senegal ikkonfermat li d-deċiżjoni li ttieħdet għall-posponiment tal-elezzjoni għall-Presidenza tmur kontra l-Kostituzzjoni tal-pajjiż. Għaldaqstant, il-Kunsill Kostituzzjonali f’Dakar annulla d-digriet inizjali tal-President Macky Sall flimkien mal-abbozz polemikuż  — u li kien għadda mill-Parlament — biex l-elezzjoni, li kellha ssir proprju dan ix-xahar, titressaq lejn l-aħħar tas-sena.

Is-Senegal, fil-Punent tal-Afrika, ilu s-snin ikkunsidrat bħala simbolu tal-istabbilità fir-reġjun. Iżda fl-aħħar jiem spikkaw numru ta’ dimostrazzjonijiet kbar u protesti kontra ‘l-abbuż tal-liġi u l-Kostituzzjoni tal-pajjiż’.

Kelliema għall-Oppożizzjoni f’Dakar, sadanittant, laqgħu b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Ogħla Qorti filwaqt li fissru l-jum bħala ‘wieħed sinifikanti għat-tisħiħ tad-demokrazija’. Is-sorsi f’Dakar qalu wkoll li d-deċiżjoni tal-Qorti, fl-istess ħin, sostniet id-dritt tal-ġustizzja – bil-pajjiż, issa, qed jagħti priorità lill-iffissar ta’ data ġdida għall-elezzjoni.