Fil-Parlament Robert Abela għoġbu jgħid b’ħafna pompi u ppreżenta lista, fejn fiha qal ħafna, imma ma qal xejn. Ħalla barra l-fatt li bis-saħħa tal-Gvern tiegħu, waqajna sitt postijiet fil-Climate Change Performance Index u l-fatt li Malta għandha l-ogħla dipendenza fuq sorsi ta’ enerġija li jniġġsu fl-Unjoni Ewropea. Robert Abela għandu jara li jilqa’ l-proposti tal-Partit Nazzjoanlista jekk tassew jemmen fid-direzzjoni li l-Awtorità tat-Tibdil fil-klima għandu jkollha biex twettaq dmirijietha kif inhu xieraq.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ konsistenti dwar it-Tibdil fil-Klima, għall-kuntrarju tal-Partit Laburista li jsemmi l-kwistjoni biss f’konferenzi barra minn xtutna jew meta jkollu bżonn skuża biex jgħatti l-inkompetenza tiegħu stess f’nofs kriżi, kif għamel fis-sajf li għadda meta tliet kwarti tal-pajjiż kien abbandunat mill-Gvern fid-dlam u fis-sħana.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jisħaq li qed jestendi l-id tal-kollaborazzjoni lill-Gvern għax din l-isfida hi akbar minn politika partiġġjana u b’hekk, jappella lil Robert Abela jekk verament jemminx dak kollu li jgħid fil-pubbliku, li jilqa’ l-proposti tal-Partit Nazzjonalista dwar l-Awtorità fuq it-Tibdil fil-Klima, għal pjan ħolistiku li jinkudi kull Ministeru permezz ta’ rappreżentanti, aktar checks and balances fil-ħatriet tal-Bord u li l-Awtorità tkun marbuta li tipproduċi aktar rapporti għall-iskrutinju parlamentari.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni għal aktar tisħiħ tal-Awtorità bil-fatti, u mhux bil-kliem, biex b’hekk insaħħu l-opportunitajiet u nibnu l-futur tagħna flimkien.
Dan kollu ntqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika Eve Borg Bonello.
//= $special ?>