Internazzjonali

L-Ukrajna: Periklu kbir li l-belt ta’ Avdiivka tispiċċa f’idejn ir-Russi

Il-battalja għall-kontroll ta’ Avdiivka – belt li tipprovdi aċċess ewlieni lejn Donetsk – qed taqleb favur il-qawwiet tar-Russja u bl-Istati Uniti qed twissi dwar il-possibbiltà li din il-belt tispiċċa dalwaqt f’idejn it-truppi tal-Kremlin.

John Kirby, il-kelliem għall-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti. ikkonferma din il-possibbiltà fejn irrefera għall-ħtieġa kbira li l-Ukreni li qed jiddefendu pajjiżhom jingħataw aktar munizzjon biex ikomplu bir-reżistenza.

L-iżviluppi allarmanti kienu konfermati wara li Jens Stoltenberg, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, wissa li n-nuqqas ta’ approvazzjoni, mill-Istati Uniti,għat-tkomplija tal-għajnuna militari lill-Ukrajna qed iħalli impatt notevoli fuq il-kampijiet tal-battalja.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, ħalef li se jsir minn kollox biex isalvaw il-massimu possibbli tat-truppi Ukreni, wara li r-Russi għamlu diversi kisbiet militari f’Avdiivka u fejn anki dehru qrib li jiċċirkondaw għal kollox lil din il-belt.

Il-belt inkwistjoni nqerdet kważi għal kollox iżda ħadd ma jiddubita l-importanza tagħha minħabba r-rotta diretta mill-inħawi lejn Donetsk; il-kapitali tar-reġjun Ukren li, fl-2014, inħatfet mill-milizzji alleati ta’ Moska u spiċċat bħala estensjoni illegali tat-territorju Russu.

Intant, id-difensuri ta’ Avdiivka spiċċaw f’sitwazzjoni ddisprata peress li qed jispiċċalhom il-munizzjon għall-artillerija – u bir-Russja qed tibgħat mewġa wara l-oħra ta’ suldati li qegħdin jattakkaw kontinwament il-pożizzjonijiet tal-Ukreni. L-aħħar rapporti qalu wkoll li r-Russi qed iħallsu prezz kbir f’telf ta’ ħajja iżda qed jirnexxilhom javviċinaw dejjem aktar iċ-ċentru ta’ Avdiivka u, issa, wieħed irid jara kemm l-Ukreni kapaċi jkomplu jirreżistuhom b’mod effettiv.