Lokali Qorti

Mixli li seraq €14,000 fi flus kontanti minn dar f’Santa Venera

Joseph Attard ta’ 38 sena magħruf bhala ‘Il-Knejjes’ minn Ħal Ghaxaq u li għandu problema akuta ta’ droga wieġeb mhux hati li seraq flus kontanti minn residenza f’Santa Venera. Minkejja li ma ssemmietx fil-Qorti waqt is-seduta, NET News huwa nfurmat li s-serqa kienet tammonta għal €14,000 fi flus kontanti u xi oġġetti oħra.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Christina Delia, Sarah Zerafa u mgħejjuna mill-Avukat Andreas Vella mill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali qalu li l-imputat inqabad jisraq grazzi għall-filmati tas-CCTV li aktar tard inġabru mill-pulizija.

L-Ispettur qalet li l-pulizija ġabret ukoll filmati mill-għassa taż-Żejtun fejn l-imputat kien imur jiffirma, fejn deher liebes l-istess ħwejjeġ li bihom wettaq is-serqa. Attard kien jinsab barra fuq erba’ libertajiet proviżorji fejn x-xhar l-ieħor kien tressaq il-Qorti mixli li seraq b’14,000 ewro f’ammonti ta’ deheb ukoll minn residenzi.

Huwa kien ingħata r-raba’ ħelsien tiegħu fl-1 ta’ Frar li għadda biex allegatament ġimgħa wara wettaq is-serqa minn Santa Venera. Wara li wieġeb mhux ħati, d-difiza ddikjarat li f’dan l-stadju mhux se tkun qed titlob għal ħelsien mill-arrest.

L-avukat difensur Amadeus Cachia talab lill-qorti biex l-imputat jinżamm fis-sezzjoni foresika fl-isptar Monte Carmeli. Kompla jghid li l-klijent tiegħu għandu l-vizzju tad-droga u problemi fil-passat għas-sigurtà tiegħu nnifsu.

Il-Qorti irrakkomandat lid-Direttur tal-Facilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jagħti lill-imputat l-assistenza li jeħtieġ sakemm idum arrestat. Il-Prosekuzzjoni talbet lill-qorti toħroġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegat vittma, liema talba ġiet milqugħa. L-akkuzat kien assistit mill-avukat Amadeus Cachia.