Lokali

Robert Abela joħroġ għonqu għal Johann Grech

Wara li tberbqu mal-€120,000 minn flus il-poplu fuq David Walliams għal serata ta’ sagħtejn u nofs, il-Prim Ministru Robert Abela baqa’ joħroġ għonqu għall-Kummissarju tal-Films Johann Grech.

Din il-ħela ta’ flus – li minnha l-producers lokali ma ħadu xejn – ġiet ikkundannata minn diversi persuni li jaħdmu fl-industrija – fosthom minn artisti lokali, hekk kif dawn jingħataw budget mill-aktar miżeru għall-produzzjonijiet lokali iżda l-Gvern tal-Labour ma sab l-ebda problema li jberbaq €120,000 għal preżentatur barrani bl-iskuża li din saret għal raġunijiet ta’ marketing.

Fl-aħħar jiem, anke l-editorjal tat-Times of Malta ddeskriva dan it-tberbiq ta’ flus bħala money heist filwaqt li l-editur sostna li Johann Grech għandu jirreżenja minnufih.

Iżda l-Ġimgħa filgħodu meta l-Prim Ministru Robert Abela kien affaċċjat bid-domandi ta’ Net News, huwa kien pront ħareġ għonqu għall-Kummissarju u qalilna li għandu fiduċja assoluta f’Johann Grech. Mhux hekk biss, iżda skont hu anke l-poplu għandu fiduċja fih, għaliex imur tajjeb bl-Open Days li jorganizza.

Din il-ġimgħa, anke l-Ministru Clayton Bartolo baqa’ jiddefendi l-eluf li ittajru mill-Gvern fuq il-Film Awards.

Intant, sal-lum in-nefqa totali tal-Malta Film Awards għadha ma ġietx ippubblikata; iżda diversi rapporti indikaw li x’aktarx din tammonta għal ftit aktar minn miljun u tliet mitt elf ewro. Bil-Ministru Clayton Bartolo propju ftit tal-jiem ilu ma pprovda l-ebda data dwar meta se tiġi ppubblikata n-nefqa totali – iżda kien qal biss li se tkun ippubblikata fiż-żmien li ġej.

Fl-aħħar ġimgħat, kien hemm ħafna illi qalu li quddiem dawn l-istejjer kollha li assistejna għalihom, Johann Grech għandu jirriżenja immedjatament. Bil-kritiċi tiegħu jgħidu li Grech għadu mehdi fuq ‘l hemm imsejjaħ “ego trip” iffinanzjat minn fondi pubbliċi.