Ewropa Lokali

Roberta Metsola tirċievi unur mill-Università ta’ Versavja

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rċeviet il-Midalja tal-Università ta’ Varsavja.

Dan seħħ waqt żjara li hi għamlet fil-Polonja. Bir-Rettur ta’ din l-universita jgħid illi l-unur mar “għal dak kollu li hi ilha tagħmel, mhux biss għalina iżda għall-Ewropa kollha.”

Waqt iż-żjara tagħha fil-kapitali Pollakka, l-President Metsola ltaqgħet mal-Prim Ministru u l-Eks President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President Metsola qalet li tinsab kuntenta li reġgħet lura f’dan il-pajjiż fi żmien “meta l-Polonja qed tirritorna lura lejn il-qalba tal-politika Ewropea …. biex tkun minn ta’ quddiem f’dak li nagħmlu bħala kontinent.”

Il-President Metsola qalet li l-Ewropa trid tkun waħda li fiha nwieġbu għall-valuri tagħna, għad-demokrazija, għal-libertà u għas-saltna tad-dritt – anke meta tkun diffiċli jew mhedda. Dan hu li jiddistingwina.

Il-President Metsola qalet li l-Ewropa trid tkun is-superpotenza tad-drittijiet, il-libertajiet u l-prosperità.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Tusk tenna l-appoġġ tiegħu u tal-poplu Pollakk lejn Roberta Metsola, “illum u fil-futur.”

Il-President tal-Parlament Ewropew indirizzat wkoll lis-Senat, fejn stqarret li s-suċċess tal-munita Ewropea u tas-suq uniku huma riflessjoni tar-rieda kollettiva tal-Ewropa li taħdem flimkien, u li tħares lejn il-prosperità tan-nies. Il-President Metsola qalet li l-Ewropa trid tisma l-aspirazzjonijiet u t-tħassib tan-nies.

Hi semmiet ukoll dak li għamel il-Parlament Ewropew fl-Att dwar it-Tnaqqis tal-Pestiċidi, u qalet li l-bdiewa, in-negozji u r-reġjuni tagħna għandhom raġun jistennew li l-Ewropa twettaq il-wegħda tagħha magħhom ukoll.

Intant….wara Varsavja, iż-żjara tal-President Metsola fil-Polonja tkompli fi Gdansk, fejn se titkellem mal-istudenti sabiex tħeġġiġhom jivvutaw fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju illi ġej