Internazzjonali

RUSSJA: Imut fil-ħabs il-Mexxej tal-Oppożizzjoni Alexei Navalny

Deskritta mill-Kap tal-PN Bernard Grech bħala "aħbar traġika"

Rapporti mir-Russja qed jindikaw li miet Alexei Navalny; il-Mexxej tal-Oppożizzjoni li kien l-akbar kritiku ta’ Vladimir Putin.

Ir-rapporti qed jikkwotaw lis-servizzi tal-ħabsijiet fir-reġjun ta’ Yamalo-Nenets, illi qed jgħidu li Navalny ħassu ħażin u intilef min sensih. Fiċ-ċella wasal tim ta’ emerġenza, iżda t-tentattivi tagħhom biex iżommuh ħaj kienu kollha għalxejn.

Alexei Navalny kien ilu miżmum il-ħabs sa mill-2021. F’Awwissu li għadda, hu kien instab ħati li iffinanzja organizzazjonijiet estremisti – u b’hekk kienu żdiedulu 19-il sena priġunerija mad-9 snin li kien diġa’ qed jiskonta.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li jinsab imnikket bl-aħbarijiet li qed jaslu mir-Russja, u l-ħsibijiet tiegħu huma mal-familja ta’ Navalny; persuna li ddeskrivih bħala politiku li dejjem ħadem favur it-trasparenza u d-demokrazija.

Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, permezz ta’ Twitter qalet li d-dinja tilfet wieħed mill-iktar persuni li kellu kuraġġ jiġġieled għad-drittijiet umani. Roberta Metsola żiedet tgħid li l-isforzi kollha tiegħu għall-ġlieda kontra d-demokrazija qatt mhi se tmut.

L-aħbar xokkanti qed tiddomina l-aħbarijiet internazzjonali

L-aħbar, intant, mxiet madwar l-Ewropa u d-dinja bħal leħħa ta’ berqa u f’ħin meta l-avukat ta’ Navalny kien fi triqtu lejn is-Siberja bil-għan li jaġġorna ruħu dwar iċ-ċirkustanzi ta’ din il-mewta li ħasdet lill-poplu.

Min-naħa tiegħu, Dmitry Peskov, il-kelliem ewlieni għall-Kremlin, qal li l-awtoritajiet inkarigati mis-servizzi tal-ħabs tar-Russja kienu qed jindagaw bir-reqqa dwar il-mewt ta’ Navalny. Madankollu hu ma żvela l-ebda informazzjoni jew dettalji sinifikanti.

Alexei Navalny kien ilu s-snin xewka kbira fid-dahar tal-Kremlin. Sadanittant, ma naqsux is-suspetti dwar il-mewt ta’ Navalny, b’numru ta’ osservaturi li ma xtaqux ikunu identifikati jaqblu li l-iżvilupp hu ‘wieħed konvenjenti ħafna għal Vladimir Putin’.

Fil-preżent l-aħbar dwar Navalny qed tiddomina għal kollox il-blogs u n-networks tal-media soċjali, bil-Gvernijiet tal-pajjiżi Ewropej qegħdin jevalwaw u josservaw is-sitwazzjoni attwali fir-Russja.

Min-naħa tiegħu, Stéphane Séjourné, il-Ministru Franċiż għall-Aħbarijiet Barranin, bagħat messaġġ fuq X fejn qal li Navalny ‘kellu jħallas b’ħajtu’ għar-reżistenza ta’ snin kontra l-oppressjoni tar-Russja’. Séjourné kompla li ‘il-mewt tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russa għandha tfakkar lil kulħadd dwar ir-realtà tar-reġim immexxi mill-President Putin’.