Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li sawwat lil martu bi plakka u l-wire tal-‘fridge’

Raġel ta’ 42 sena mill-Mosta ġie kkundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li kkaġuna feriti gravi fuq martu wara li sawwatha bi plakka u l-wire tal-fridge. Mill-provi rriżulta li s-swat fuq il-mara seħħew fil-preżenza ta’ binhom ta’ seba’ snin u l-kunjati tiegħu.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-aġir tal-imputat, li ismu mhux qed jissemma’ biex tiġi protetta l-identità ta’ ibnu u iben il-vittma, m’għandux post fis-soċjetà, u atti bħal dawn ma’ jistgħux jiġu ttollerati. Minn  eżami mediku li sar fuq il-mara, rriżulta li fl-24 ta’ Frar ta’ sentejn ilu, il-vittma spiċċat b’diversi feriti.

Fosthom bi tbenġil ta’ madwar żewġ ċentimetri fin-nofs tal-moħħ, tbenġila oħra ta’ sitt ċentimetri bi tliet ċentimentri fuq in-naħa tax-xellug tal-moħħ, ħmura estiża fuq il-ġwienaħ tal-ispallejn, kif ukoll grif fuq iż-żaqq u d-driegħ tax-xellug li kien ukoll minfuħ.

Il-koppja tinsab fil-proċess ta’ separazzjoni bir-raġel jgħid fil-Qorti li r-raġuni li martu trid tissepara minnu hi għax qed tara rġiel oħra, xi ħaġa li l-martu ċaħdet. Il-vittma xehdet illi għall-ħabta tal-10.00 p.m. hi kienet rieqda fis-sodda ħdejn it-tifel meta bdiet tisma’ ħoss ta’ ħġieġ jinkiser u meta ħarġet mill-kamra u niżlet isfel, rat lill-imputat jitfa’ affarijiet fl-art u jkisser.

Għalkemm bdiet tgħidlu biex jieqaf ma tahx kasha u baqa’ jkisser u mbagħad tela’ fuq u qajjem lit-tifel li kien rieqed fis-sodda. L-imputat beda jistaqsi lit-tifel biex jgħidlu fejn qiegħda tmur ommu u ħarġu mis-sodda, iżda t-tifel ma bediex jitkellem.

Il-mara bdiet tgħidlu biex iħalli lit-tifel għax kien qed jaħsdu. Xehdet illi f’daqqa u l-ħin “imbuttani għal fuq, kellna sufan u mbottani għal fuqu, qabad wire bi plakka u beda jagħti bl-addoċċ ġo rasi, ġo wiċċi u kullimkien.”

F’ħin minnhom, kompliet tgħid, waqgħet minn fuq is-sufan u l-imputat kompla jsawwatha bl-addoċċ u weġġagħha u xehdet ukoll li “t-tifel kien qed jitriegħed bil-biża’”. Dak il-ħin ma kienetx taf l-imputat minn fejn ġab il-wire u l-plakka li sawwatha bihom.

Kif irnexxielha tqum minn mal-art, hi ċemplet lill-Pulizija u l-imputat baqa’ fuq mat-tifel sakemm waslu fuq il-post, f’liema waqt hu pprova joħroġ mid-dar bit-tifel, iżda ġie mwaqqaf mill-Pulizija. Hi ċaħdet li kellha relazzjoni adultera ma’ irġiel oħrajn u li kienet tiltaqa’ ma’ żewġt irġiel partikolari kif kien qed jakkużaha żewġha, għalkemm stqarret li tassew ma kienetx sodisfatta bir-relazzjoni sesswali ma’ żewġha dak iż-żmien.

Missier il-vittma, xehed illi meta l-imputat daħal id-dar dakinhar tal-inċident, kien bil-lejl u hu kien qed jara t-television isfel. L-imputat qabad jiftaħ il-fridge u beda jixħet kull ma kien hemm ġo fih mal-art fejn saqajh, ikisser u jfarrak vażetti li kien hemm fil-fridge.

Imbagħad rah jaqla’ bis-saħħa l-plakka tal-fridge minn mal-ħajt u tela’ bih fuq, u wara ftit beda jisma’ storbju u lill-imputat u lil Josephine jgħajtu minn fuq u sema’ wkoll twerżiq. Wara xi 10 minuti ra lill-imputat nieżel it-taraġ bit-tifel f’idu biex jitlaq ‘il barra bih, iżda il-]mara tiegħu miżlet minn fuq u waqfitu milli joħroġ mid-dar bit-tifel. Meta niżlet bintu minn fuq, kienet qed tgħajjat bl-uġigħ u kienet tidher li hi muġugħa u l-għada ra li kellha black eye.

L-imputat, fl-istqarrija li ġiet rilaxxata minnu waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija fil-25 ta’ Frar 2022, fejn kien assistit mill-avukat tal-għażla tiegħu, stqarr li madwar tliet ġimgħat qabel l-inċident, kien irċieva ittra mingħand l-avukat tal-mara tiegħu biex tissepara.

Sostna li martu riedet tissepara għaliex qiegħda ma’ ħaddieħor u fuq il-profil tagħha fuq Facebook, huwa kien ra messaġġi mingħand irġiel oħrajn, filwaqt li t-tifel ukoll kien qallu li xi ħadd kien jiġi d-dar biex jitlaqa’ ma’ ommu. Madanakollu, hu qatt ma kkonfrontaha dwar dan.

Stqarr ukoll li hu jaħdem ħafna u dejjem xogħol u l-mara kienet tgerger, iżda riċentement kienet bdiet toħroġ għal rasha u bdiet tmur ukoll il-gym u l-ħin kollu tilgħab bil-mobile. Hu kien ħadha bi kbira li riedet tissepara. L-imputat waqt l-interrogazzjoni ma wieġeb għal ebda domanda relatata mal-inċident.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li huwa minnu li wara d-delitt, l-imputat kien emozzjonat u fi stat ta’ eċitament iżda ma jirriżultax li kien diġa’ jinsab f’dan l-istat fil-ħin tal-kommissjoni tad-delitt. Fir-rigward tal-vittma li tissepara, għalkemm hu minnu li l-imputat jidher li kien ħadha bi kbira, kien stqarr hu stess fl-interrogazzjoni illi l-ittra legali fejn ġie mgħarraf li martu riedet tiftaħ proċeduri tas-separazzjoni personali, kien irċeviha madwar tliet ġimgħat qabel.

Mhux hekk biss, talli huwa ppruvat mill-ġabra tax-xhieda illi meta daħal id-dar, l-imputat ma kienx mar mill-ewwel ifittex lil martu biex iħebb għaliha, iżda kien mar fil-kċina fejn beda jkisser l-affarijiet li kienu fil-fridge fil-prezenza tal-kunjati tiegħu u kien biss meta martu niżlet biex tara għaliex kien qed jagħmel hekk, li qaċċat il-wire bil-plakka minn mal-ħajt u tela’ fuq fejn hemmhekk, beda jipprova jqajjem it-tifel tagħhom.

Dan kollu mingħajr ebda ħjiel ta’ prova ta’ xi att provokatorju li seħħ fil-waqt tal-kommissjoni tad-delitt. Hija wkoll il-fehma tal-Qorti illi f’kull każ, l-allegat infedeltà ta’ martu u d-deċiżjoni tagħha li tissepara, ma setgħu qatt, fiċ-ċirkostanzi li joħorġu mill-provi proċesswali, anke jekk f’moħħ l-imputat kienu jikkostitwixxi provokazzjoni inġusta, iqanqlu fih sentiment vjolenti daqshekk estrem f’persuna ta’ temperament ordinarju li jġiegħluh jaggredixxi lil martu u jikkaġunalha offiżi evidenti fuq diversi partijiet ta’ ġisimha inkluż fuq wiċċha.

L-aġir aggressiv u vjolenti bħal dik manifestata mill-imputat ma għandhiex post fis-soċjeta’ u ma għandhiex tiġi tollerata u bla dubju jimmerita piena idonea li sservi ta’ deterrent u twassal messaġġ ċar illi l-vjolenza fuq in-nisa kif ukoll kwalunkwe vjolenza f’unita’ domestika hija deplorevoli u għandha tiġu kkundannata b’mod gravi.

Għal dawn il-motivi, l-Qorti kkundannat lir-raġel għal disa’ xhur priġunerija sopiżi għal sentejn u, tikkundanna lill-ħati għall-ħlas mal-ħatra tal-esperti fis-somma ta’ €525.10ċ. Inħarġet ukoll ordni  ta’ trażżin fil-konfront tal-ħati għall-protezzjoni tas-sigurta’ ta’ martu għal żmien sena. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar.