Ekonomija Lokali

Analiżi ta’ kandidat Laburista tikkonferma l-isplużjoni fil-prezzijiet tal-ikel

Il-Prim Ministru ilu xhur sħaħ iserraħ ras in-nies li l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna jinsab f’livell ferm inqas mill-bqija tal-Ewropa; iżda l-fatti juru kompletament l-oppost. Tant li issa, kandidat tal-Partit Laburista stess giddeb din ir-retorika ta’ Robert Abela.

F’opinjoni ppubblikata fit-Times, il-kandidat tal-Labour Steve Ellul jindika b’mod ċar kristall kemm sploda l-prezz tal-ikel f’pajjiżna. Dan filwaqt illi jifqa’ bużżieqa oħra ta’ Robert Abela, meta jgħid li l-piż tal-għoli tal-ħajja mhix kwistjoni li rridu infarfruha biss fuq il-piżijiet internazzjonali – anżi, jinsisti li hemm realtajiet li hu jsejħilhom “Malta-specific”.

Fit-Times, l-analiżi ta’ Steve Ellul tindika li, fiz-Zona Ewro, il-prezzijiet tal-ikel proċessat żdiedu b’0.5% bejn Ġunju u Diċembru. Iżda f’Malta, iż-żieda kienet ta’ 2.4%.

Hawn jingħataw eżempji prattiċi: il-pasta f’Italja żdiedet b’rata baxxa ta’ 1.2% – f’Malta l-prezzijiet għolew tliet darbiet aktar. Fejn jidħol il-prezz tal-kafè, fl-Italja ir-rata tal-inflazzjoni niżlet għal 2.2%, iżda f’Malta (sa Diċembru) il-prezzijiet għolew bir-rata ta’ 15.5%. L-inflazzjoni tinħass ukoll fuq ikel iffriżat, bħall-ħaxix, fejn f’Malta dan żdied għar-rata ta’ 14.3% illi hi l-ogħla fl-Ewropa.

Il-kandidat tal-Labour jagħti titlu lil din l-analiżi li wassal fit-Times, u jgħid li dawn huma “Il-fatti dwar l-inflazzjoni fl-ikel”.