F’opinjoni ppubblikata fit-Times, il-kandidat tal-Labour Steve Ellul jindika b’mod ċar kristall kemm sploda l-prezz tal-ikel f’pajjiżna. Dan filwaqt illi jifqa’ bużżieqa oħra ta’ Robert Abela, meta jgħid li l-piż tal-għoli tal-ħajja mhix kwistjoni li rridu infarfruha biss fuq il-piżijiet internazzjonali – anżi, jinsisti li hemm realtajiet li hu jsejħilhom “Malta-specific”.
Il-Prim Ministru, sa din il-ġimgħa stess, baqa’ jiftaħar li l-Gvern offra stabbiltà quddiem ir-realtajiet internazzjonali.
Iżda ħafna mhumiex jarawha din is-suppost stabbiltà.
Fit-Times, l-analiżi ta’ Steve Ellul tindika li, fiz-Zona Ewro, il-prezzijiet tal-ikel proċessat żdiedu b’0.5% bejn Ġunju u Diċembru. Meta f’Malta, iż-żieda kienet ta’ 2.4%.
Hawn jingħataw eżempji prattiċi: il-pasta fl-Italja żdiedet b’rata baxxa ta’ 1.2% – f’Malta l-prezzijiet għolew tliet darbiet aktar.
Fejn jidħol il-prezz tal-kafè, fl-Italja ir-rata tal-inflazzjoni niżlet għal 2.2%, iżda f’Malta (sa Diċembru) il-prezzijiet għolew bir-rata ta’ 15.5%. L-inflazzjoni tinħass ukoll fuq ikel iffriżat, bħall-ħaxix, fejn f’Malta dan żdied għar-rata ta’ 14.3% illi hi l-ogħla fl-Ewropa.
Il-kandidat tal-Labour jagħti titlu lil din l-analiżi li wassal fit-Times, u jgħid li dawn huma “Il-fatti dwar l-inflazzjoni fl-ikel”.