Internazzjonali

Il-ġisem ta’ Navalny ma jinstabx wara li suppost kien qed jinżamm f’kamra mortwarja

L-aħħar żviluppi dwar il-mewt tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russa, Alexei Navalny

Il-qraba ta’ Navalny qed jappellaw biex jiġi rritornat il-katavru ta’ Navalny wara li suppost kien qed jinżamm f’kamra mortwarja iżda dan ma nstabx hemmhekk.

Omm Navalny u l-avukat tiegħu vvjaġġaw lejn il-kamra mortwarja biex jaraw b’għajnejhom dak li ġie rrapurtat iżda l-katavru ma nstabx hemmhekk.

Il-mewt tiegħu ġie kkonfermat mit-tim ta’ Navalny. Il-bierah, is-servizzi tal-ħabs fejn kien qed jinżamm Navalny fir-reġjun ta’ Yamalo-Nenets qalu li Navalny ħassu ħażin u intilef min sensih. Fiċ-ċella wasal tim ta’ emerġenza, iżda t-tentattivi tagħhom biex iżommuh ħaj kienu kollha għalxejn.

Kelliema għal Navalny qalet fuq Twitter li r-Russja mhix se tkun qed tirritorna l-ġisem għand il-qraba tiegħu qabel titlesta l-investigazzjoni.

Alexei Navalny kien ilu miżmum il-ħabs sa mill-2021. F’Awwissu li għadda, hu kien instab ħati li iffinanzja organizzazjonijiet estremisti – u b’hekk kienu żdiedulu 19-il sena priġunerija mad-9 snin li kien diġa’ qed jiskonta.