Lokali

Il-Gvern m’għandu ebda time-frame dwar id-Dar tal-Anzjani f’Bormla

Ix-xogħol fuq id-Dar tal-Anzjani f’Bormla għadu ma bediex għax fi kliem is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea “hemm sistema burokratika”.

Intervistat fil-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq l-RTK, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-anzjani ma ta ebda time-frame jew data li fiha mistenni jkun konkluż dan il-proġett f’Bormla. Iżda qal biss li hu determinat “li terġa’ tinfetaħ”.

Pressat b’aktar domandi, Agius Galea l-ewwel weħel – imbgħad stqarr “ħa nimxu – se nkunu qed naħdmu fuqha”. U wieġeb lil Andrew Azzopardi bil-frażi “tinkwetax”.

Is-saga tad-Dar tal-Anzjani f’Bormla bdiet f’Mejju li għadda wara li 120 resident qalulhom li kellhom ġimgħatejn ċans biex jiżgumbraw mid-Dar u jmorru f’residenza oħra – u ħafna minnhom spiċċaw il-Mosta, l-iMtarfa, il-Fgura, San Ġiljan, Raħal Ġdid, Ħal Qormi, Ħal Tarxien, ir-Rabat jew saħansitra San Pawl il-Baħar.