Lokali Turiżmu

“Miż-żrar qed naqalgħu l-flus” – il-Ministru Clayton Bartolo

“Għaliex le? Ma nara xejn ħażin”.

Hekk wieġeb il-Ministru Clayton Bartolo meta mistoqsi dwar ir-ritorn ta’ Joseph Muscat bħala kandidat tal-Labour għall-MEPs – aħbar li ħolqot terremot sħiħ fil-qalba tal-Partit Laburista, b’nies bħall-Kap Eżekuttiv Laburista Randolph Debattista juri biċ-ċar in-nuqqas ta’ qbil tiegħu.

Clayton Bartolo kien qed iwieġeb diversi domandi li sarulu mill-Professur Andrew Azzopardi fuq l-istazzjon RTK.

Id-deal skandaluż ma’ David Walliams

Dwar l-eluf li ingħataw lill-komiku Brittanniku David Walliams għall-Malta Film Awards, il-Ministru Clayton Bartolo baqa’ jiddefendi din in-nefqa.

Bartolo spjega li l-invoice ta’ Walliams kienet ta’ €120,000. U mistoqsi għaliex inqabeż il-budget allokat, il-Ministru ħarab mid-domanda. Bil-Ministru jinsisti illi “miż-żrar qed naqalgħu l-flus”.

Il-Ministru fl-ebda ħin ma warrab il-possibbiltà li fl-Awards li jmiss jerġa’ jonfoq €120,000 fi preżentatur. “Nagħmlu li hemm bżonn”, qal Bartolo.

Il-Ministru Bartolo spiċċa jgħid li qabel tela’ il-Labour, l-industrija tal-films kienet “fl-abbissi”. Dan meta kulħadd jaf kemm ġew attirati films internazzjonali mis-sena 2000 ‘l hawn taħt diversi amministrazzjonijiet – films illi fihom ħadmu ħafna Maltin. Dan apparti serje televiżivi bħal ‘Game of Thrones’ li inġibed f’Malta fl-2010.

Id-deal ma’ Manchester United, kemm jiswa’?

Mistoqsi dwar id-deal mal-club Ingliż Manchester United, Clayton Bartolo baqa’ ma qalx kemm ġie jiswa’ dan il-ftehim. Hu saħaq li dan il-ftehim kien ta’ għajnuna biex ippenetrajna s-suq Asjatiku.

Il-Ministru ma kienx kapaċi jwieġeb b’kemm żdiedu t-turisti grazzi għal dan id-deal.

“Ma nistax ngħid kemm jiswa’ dan il-kuntratt”, stqarr il-Ministru Bartolo.