Lokali

“Mill-Inkjesta Pubblika ħarġu ħafna affarijiet li jbellħuk” – Isabelle Bonnici

“Ma ħassejt li m’għamilt xejn speċjali – kienet biss l-imħabba ta’ omm għal dritt biex tissaħħah l-industrija tal-kostruzzjoni sabiex l-ebda persuna oħra ma tmut bl-istess mod li miet ibni.”

Kliem Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia f’intervista ma’ Jon Mallia fejn qasmet it-triq twila sabiex pajjiżna jara li toħroġ il-verità kollha quddiem diversi nuqqasijiet li s-settur tal-bini u l-kostruzzjoni għandu.

Isabelle Bonnici qalet kif fil-bidu nett Robert Abela kien sejjaħ laqgħa mal-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia biex sempliċiment iwaqqafhom milli jkomplu jsemmgħu leħinhom fil-pubbliku dwar l-inkjesta pubblika. Fejn xhur wara kienet saret u-turn minn Abela stess.

“Morna jien u missier it-tifel biex nitolbu għal inkjesta pubblika u qalli li sakemm indum hawn jien, inkjesta pubblika ma ssir qatt. Dak il-ħin tgħid “għandi ġlieda kbira quddiemi”. Avżajtu mill-ewwel li jien se nieqaf hawn [laqgħa mal-Prim Ministru] iżda l-ġlieda tiegħi se tkompli. Hemmhekk kelli l-għajnuna tal-Oppożizzjoni b’mod speċjali tal-Onorevoli Jerome Caruana Cilia u bdejna nipprovaw nagħmlu pressjoni biex issir l-inkjesta pubblika.”

Azzjoni minn Robert Abela li ma niżlet xejn tajba mhux biss mal-poplu Malti u Għawdxi kollu iżda saħansitra minn membri Laburisti.

“Kien hemm min qalli għandek raġun iżda aħna nivvutaw bħala tim. Min beda jgħidli issa naħsibha. Kien hemm min qalli wkoll aħna nivvutaw skont il-pariri tal-Prim Ministru. Però kont emmint li xi ħadd se jkollu l-gazz li jivvota iva.”

Nuqqas t’azzjonijiet minn Gvern Laburista li ilha ġejja għal snin sħaħ.

“Il-liċenzjar tal-kuntratturi. Iva fl-2019. Kienet ħarġet uffiċjalment li sal-aħħar tas-sena kienet se ssir. Imma ma sar xejn. Konferenza li kienet saret minn Ian Borg. Għadu s’issa ma sar xejn. Kieku saret, kieku ibni għadu hawn jgħajjatli ma.”

Isabelle Bonnici qalet kif inkjesta pubblika biss tista’ tbiegħed lil pajjiżna milli nitilfu iktar persuni fl-industrija tal-kostruzzjoni.

“L-unika mezz biex naraw hux qed taħdem is-sistema permezz ta’ inkjesta pubblika. X’tip ta’ mistoqsijiet kellek? Ix-xogħol sarx sew, id-dipartimenti għamlux xogħolhom, l-applikazzjoni, min applika, il-kuntratturi, kien hemm xi ħadd li qed jivvetjahom? Dawn l-inkjesta maġisterjali mhux se tarahom. Mhix se tinvestiga s-sistema li qed tħalli ħafna mwiet fis-settur tal-kostruzzjoni.”

Eventwalment, Robert Abela ġie sfurzat li jagħmel u-turn u jsejjah Inkjesta Pubblika li ngħalqet f’Novembru li għadda fejn ġie konkluż li l-kostruzzjoni ta’ bini ‘freestanding’ bħalissa mhux regolat wara x-xhieda tal-avukat Kurt Scerri, lecturer fil-Fakultà tal-Liġi.