Għall-40 jum tar-Randan, fl-Ittra Pastorali tagħhom, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qed jipproponu biex bħala pajjiż u bħala Nsara nirriflettu fuq il-ħames doni mingħand il-Mulej li l-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila jfakkarna fihom fl-Innu Malti: id-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem.
L-Isqfijiet spjegaw fl-ittra pastorali kif dawn il-ħames barkiet jistgħu jkunu parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum billi qabel xejn nagħtu prijorità lill-proxxmu. “Matul dan ir-Randan għandna nieqfu ftit mill-għaġla ta’ kuljum u “nisimgħu, inkellmu u nakkumpanjaw lil xi ħadd li qed ibati… xi ħaġa li tista’ tassew tkun l-ikbar għotja ta’ karità”.
Il-ħames barkiet imsemmija minn Dun Karm, komplew jgħidu l-Isqfijiet, jistgħu jintużaw min-nazzjon sabiex jintlaħaq il-ġid komuni ta’ kulħadd. Fosthom, isemmu, kif il-pajjiż bħalissa qed jipprepara għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u l-Parlament Ewropew, “inħeġġu lil kull min hu involut fil-ħajja pubblika u politika sabiex ma jibżax jagħżel it-triq kuraġġuża tas-smigħ umli u tad-djalogu rispettuż”.
Fakkru wkoll li aħna “msejħin inkunu bennejja tal-paċi. Il-paċi jew il-vjolenza ta’ bejnietna jiddependu fuq id-deċiżjonijiet – kbar u żgħar – li nieħdu ta’ kuljum fejn il-paċi hi frott ta’ deċiżjonijiet tajba u responsabbli.
Komplew iżidu kif meta ninjoraw il-verità u l-ġustizzja, rridu li dejjem ikollna raġun, u meta s-suċċess u l-flus isiru l-idoli tagħna, inkunu qed niżirgħu ż-żerriegħa tal-vjolenza. Iżda meta nersqu lejn Kristu Msallab u Rxoxt u nidħlu fl-iskola tal-imħabba tal-Mulej, inkunu qed ninfetħu għad-don tal-paċi tiegħu, biex flimkien miegħu nsiru bennejja tal-paċi”.