Aaron Farrugia ingħata ħlas ta’ €33,000 wara li tkeċċa mill-kabinett. Dan seħħ ix-xahar illi għadda waqt ir-reshuffle, fejn hu kien l-uniku Ministru illi tħalla barra minn Robert Abela.
L-eks ministru tat-trasport, ikkwalifika għal €33,385.89 bħala “terminal benefit” – benefiċċju li jitħallas lill-membri kollha tal-kabinett li jew jonqsu milli jerġgħu jiġu eletti, jirriżenjaw, jitkeċċew jew ma jerġgħux jiġu nominati għal kariga fil-kabinett wara elezzjoni.
Apparti il-ħlas li ingħata wara t-tkeċċija, qed jiġi rrappurtat li Farrugia aktarx jinħatar bħala rappreżentant permanenti ta’ Malta għall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
Id-Deputat Laburista Aaron Farrugia issa ngħaqad mal-lista ta’ membri oħra tal-kabinett li rnexxilhom jakkwistaw pakketti ta’ tkeċċija ġenerużi minkejja li jew tkeċċew jew ġew imġiegħla jirriżenjaw.
Bħal per eżempju l-eks deputat Laburista Rosianne Cutajar, li tħallset €27,000 wara li fl-2021 ġiet imġiegħla tirriżenja mill-kariga tagħha minħabba r-rabtiet mill-qrib li kellha ma’ Yorgen Fenech, li huwa s-suspettat tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Justyne Caruana, eks ministru t’Għawdex, ingħatat ħlas ta’ €28,000 wara li Abela keċċieha mill-kabinett minħabba r-rabtiet ta’ żewġha Silvio Valletta mal-istess Yorgen Fenech, hekk kif ġie żvelat li Valleta li huwa eks uffiċjal għoli fil-Korp tal-pulizija, mar btala ma’ Fenech waqt li kien qed jiġi investigat għal kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Carauana Galizia.
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ingħata ħlas ta’ €120,000, minkejja li rriżenja minn Prim Ministru wara ġimgħat ta’ protesti pubbliċi mqanqla mill-arrest ta’ Fenech u allegazzjonijiet oħra li wrer kif l-uffiċċju tiegħu għen biex jipproteġi figuri ewlenin allegatament marbuta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.