Internazzjonali

Gaza: Il-WHO inkwetata ħafna dwar il-pazjenti fi sptar li ma baqax jiffunzjona b’kaġun tal-gwerra

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-isptar ta’ Nasser, fil-Medda ta’ Gaza, mgħadhiex tiffunzjona bħala faċilità medika wara rejd ieħor qalil tal-qawwiet Iżraeljani. Dan meta l-WHO tinsab ferm inkwetata dwarl-impatt tal-gwerra għall-faċilitajiet mediċi madwar Gaza fejn il-kriżi umanitarja qed issir dejjem aktar akuta.

It-truppi Iżraeljani kienu daħlu fil-kumpless partikulari wara li s-servizzi sigrieti ta’ Iżrael indikaw il-preżenza ( fil-faċilità) ta’ ostaġġi li kienu nħatfu f’Ottubru waqt l-attakki storiċi tat-terroristi tal-Ħamas fl-artijiet Iżraeljani.

Sadanittant, l-Iżraeljani ma tawx permess lir-rappreżentanti tad-WHO biex imorru fis-sit u jevalwaw is-sitwazzjoni f’dik il-faċilità, Dan meta l-Armati ta’ Iżrael qed jikkonċentraw il-kampanja militari kontra l-Ħamas fil-belt ta’ Khan Younis, lejn in-nofsinar ta’ Gaza u fost indikazzjonijiet li għandhom anki jespandu l-attakki lejn l-inħawi ta’ Rafah.

Fl-istess ħin, il-Kap tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, ikkonferma s-sitwazzjoni allarmanti fil-faċilità ta’ Nasser u li l-Organizzazzjoni tiegħu qed tittama li tingħata permess biex, ‘il quddiem, tidħol fl-isptar u tevalwa l-kundizzjonijiet tal-pazjenti anki waqt li jaġġornaw ruħhom dwar il-ħteġiet mediċi kbar fil-kumpless.

Fl-isptar fadal ‘il fuq minn 200 pazjent u meta qed jieħdu ħsiebhom biss erba’ membri tal-istaff  mediku.

Il-battalji bejn l-Iżraeljani u l-Ħamas ilhom il-ġimgħat għaddejjin madwar is-sit ta’ Nasser – bl-Armata ta’ Iżrael tinsisti li l-Ħamas ilhom jużaw l-isptarijiet u l-iskejjel ta’ Gaza bħala bażijiet għall-azzjonijiet militari.

Il-qawwiet Iżraeljani qalu wkoll li qatlu numru sinifikanti ta’ ġellieda tal-Ħamas fl-isptar ta’ Nasser, li partijiet minnu, skont huma, qegħdin jintużaw bħala depots għall-armi tat-terroristi.

Minkejja l-battalji kontinwi f’Gaza komplew, fl-Eġittu, l-isforzi lejn waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Ħamas. Madankollu, il-medjaturi mill-Qatar qalu li n-negozjati fil-Kajr mhumiex jipproduċu sinjali promettenti– bl-isforzi lejn il-waqfien mill-ġlied għandhom ikomplu xorta waħda matul il-ġranet li ġejjin.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li kien bagħat in-negozjaturi tiegħu għat-taħditiet fuq it-talba tal-President Amerikan Joe Biden iżda insista li d-diplomati ‘mhumiex se jirritornaw madwar il-mejda (tan-negozjati) peress li d-domandi tal-Ħamas ma jistgħux jitqiesu bħala realistiċi’’.

Netanyahu kompla li l-Gvern Iżraeljan se jkompli jespandi l-invażjoni ta’ Gaza lejn artijiet oħra tan-nofsinar – bil-komunità internazzjonali  tinsisti ma’ Iżrael biex ma jinvadix l-artijiet inkwistjoni mingħajr pjan għall-evakwazzjoni taċ-ċivili Palestinjani li kienu ħarbu lejn in-nofsinar ta’ Gaza waqt l-ewwel jiem tal-gwerra.

Dan ukoll meta fil-preżent hemm mal-1.5 miljun Palestinjan fil-belt ta’ Rafah, viċin il-fruntiera tal-Eġittu.