Lokali

“Il-PN dejjem kien u għadu l-partit li joffri s-soluzzjonijiet” – Bernard Grech

Determinat li flimkien ma’ sħabi nkomplu naħdmu għal pajjiż – il-Partit Nazzjonalista dejjem kien il-partit li joffri s-soluzzjonijiet.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu mill-ġurnalist u Editur tal-MaltaToday Kurt Sansone fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Tarxien.

Mistoqsi dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju li ġej Bernard Grech qabel xejn sellem lill-MEPs Nazzjonalisti preżenti Roberta Metsola u David Casa u insista kemm jistgħu jinkisbu aktar riżultati utli għal pajjiżna li kieku l-Partit Nazzjonalista jtella’ t-tielet siġġu.

Mistoqsi dwar l-akbar tħassib preżenti għall-poplu Malti u Għawdxi, dak taż-żieda fil-prezzijiet u l-piż tal-għoli tal-ħajja…Bernard Grech insista li s-soluzzjoni għandha tkun at source – ċioè li qabel xejn il-Gvern għandu jibda jgħin lin-negozji sabiex il-prezzijiet ma jibqgħux jgħolew.

Dan filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddeskriva l-għajnuna fl-iskema tal-Istabbiltà bħala waħda kożmetika għall-aħħar…fatt li l-bqija tal-poplu qed jaqbel li l-prezzijiet tax-xirjiet tagħhom ftit li xejn raw differenza fihom.

Mistoqsi dwar il-kwistjoni tal-ħaddiema barranin f’pajjiżna Bernard Grech insista li mhux huma l-problema…imma l-Gvern li ma ħasibx f’soluzzjoni fit-tul.

Dan filwaqt li insista li mhux min jitlob soluzzjoni mill-Gvern huwa razzist….imma dak li jħalli n-nies imutu f’nofs ta’ baħar.

Intant mistoqsi dwar it-tisħiħ tad-difiża Ewropea, Bernard Grech insista li dan ma jfissirx li Malta hija favur il-gwerrer imma favur is-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dan filwaqt li temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista jemmen bi sħiħ fin-newtralita iżda ma jfissirx li nibqgħu ċassi u appella biex il-pajjiż jibqa’ bil-għaqal u preparat…għaliex b’hekk biss jista’ jkun li jkomplu jsaħħaħ iż-żamma tal-paċi.

Bernard Grech temm jgħid ukoll li jekk allaħares qatt ikun hemm theddida serja għaliex Malta tinsab f’dinja bħal kull pajjiż ieħor – inevitabbilment irridu nduru għad-difiża tal-Unjoni Ewropea.