Lokali Qorti

Instab ħati li sawwat lil martu b’wajer bi plakka

Raġel ta’ 42 sena mill-Mosta kien kkundannat 9 xhur ħabs sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li sawwat lil martu fl-24 ta’ Frar tal-2022, fejn ikkaġunalha ġrieħi gravi.

Il-mara xehdet li hija kienet rieqda meta semgħet ħġieġ jinkiser u meta niżlet rat lir-raġel jitfa’ oġġetti mal-art. L-akkużat mbuttaha fuq sufan u beda jagħtiha b’wajer bi plakka quddiem binhom.

Missier u omm il-vittma xehdu li semgħu affarijiet jinkisru u twerżiq, filwaqt li raw lil binthom bil-ġrieħi f’ wiċċha.

Ir-raġel qal li 3 ġimgħat qabel l-inċident kien irċieva ittra mingħand l-avukat tal-mara għal separazzjoni. Hu sostna li martu riedet tissepara għax kienet f’relazzjoni ma’ ħaddieħor, minkejja li l-mara ċaħdet li kella relazzjoni ma xi ħadd ieħor.

Il-Maġistrat sabet lir-raġel ħati li ħebb għal martu u li kkaġunalha ġrieħi gravi filwaqt li saħqet li l-vjolenza mhux ġustifikata bl-ebda mod.

Minħabba li s-sitwazzjoni bejn il-koppja kkalmat u ma kienx hemm inċidenti oħrajn, il-Maġistrat ordnat piena ta’ ħabs sospiża, biex l-akkużat jieħu trattament psikoloġiku, u ħarġet ordni ta’ trażżin għal sena biex tipproteġi lill-mara.