Lokali

Johann Grech żidulu l-paga għal €150,000 fis-sena

Johann Grech mill-MFC u l-Ministru Clayton Bartolo

Il-Prim Ministru għandu paga medja ta’ madwar €60,000 fis-sena….Ministru ftit aktar minn €50,000… Iżda l-paga tal-Kummissarju tal-films hija kważi tliet darbiet izjed minn dawn is-salarji … għaliex issa ġie żvelat illi Johann Grech qed jaqla’  €150,000 fis-sena.

Minn storja illi ġiet żvelata mis-sit elettroniku The Shift, jidher L-Gvern żied il-pakkett finanzjarju annwali ta’ Johann Grech b’€90,000 – għal €150,000  fis-sena.

Għal snin sħaħ, il-Gvern irrifjuta li jiżvela l-kuntratt ta’ Johann Grech, iżda l-kuntratt il-ġdid tiegħu ta’ erba’ snin, u li ġie iffirmat is-sena l-oħra fl-2023 juri li l-paga tiegħu żdiedet minn €60,000 għal €150,000 fis-sena.

Il-kuntratt il-ġdid tiegħu juri li apparti salarju bażiku ta’ €115,000, Grech jirċievi “disturbance allowance” ta’ €11,500, €10,000 oħra bħala “expense allowance”, fuel, insurance tal-karozza u l-karozza innifisha u   mobile – fejn b’kollox l-pakkett finanzjarju annwali jitla aktar minn €12,500 fix-xahar.

Il-kuntratt il-ġdid ta’ Grech jgħid ukoll li apparti l-paga li jaqla fix-xahar …. hu intitolat għall-ħlas tal-ispejjeż kollha li jonfoq barra minn Malta, inkluż akkomodazzjoni u l-ħlas ta’ miżati mhux żvelati għal sħubija f’assoċjazzjonijiet u klabbs relatati mal-industrija tal-films.

Johann Grech kien impjegat f’kumpanija żgħira tal-marketing f’Għawdex, sakemm fl-2013, spiċċa jmexxi id-dipartiment tal-marketing f’Kastilja taħt Joseph Muscat. Sussegwentament … fl-2015, inħatar bħala Kummissarju tal-Films minkejja l-esperjenza limitata tiegħu fis-settur.

L-aħħar sitt snin tiegħu f’din il-pożizzjoni kienu jinvolvu diversi deċiżjonijiet kontroversjali li raw miljuni ta’ ewro jintefqu fuq direct orders għal avvenimenti stravaganti bla bżonn, li wħud minnhom inzertaw kienu ta’ benefiċċju għall-PR tal-Partit Laburista fi żminijiet kritiċi fil-kampanji elettorali.

Riċentement, ġie żvelat kif Grech nefaq madwar €120,000 biex jimpjega lill-komiku Ingliż David Walliams sabiex jippreżenta ċerimonja tal-premjijiet tal-films fl-2022… azzjoni li ġiet kkritikata bil-bosta mill-poplu Malti.

Iżda minn naħa tiegħu …. il-Gvern imexxi minn Robert Abela ftit li xejn ħa azzjoni sabiex iwaqqaf l-infiq ta’ Grech.

Mhux tali ma ħax azzjoni, talli l-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo waqt li kien qiegħed jiġi intervistat minn Andrew Azzopardi fuq l-istazzjon 103, ftaħar illi kuntenti bih.