Futbol Sport

Milan ma japprofittawx miż-żelqa ta’ Juventus

(Ritratt: EPA)

Milan sofrew telfa diżappuntanti barra minn darhom kotnra Monza bl-iskor ta’ 4-2, b’dan ir-riżultat Milan ma rnexxielhom japprofittaw miż-żelqa ta’ Juventus kontra Hellas Verona biex jitilgħu fit-tieni post fil-klassifika.

Juventus jinsabu fit-tieni post fil-klassifika b’54 punt wara 25 logħba, filwaqt li Milan jinsabu post taħthom b’ 52 punt.

Monza ħadu l-vantaġġ ftit mumenti qabel tmiem l-ewwel taqsima minn żball tal-goalkeeper Maignan, b’ Matteo Pessina jikkapitalizza u jixħet fix-xibka. It-tieni gowl ta’ Monza wasal ukoll lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima, hekk kif fl-aħħar azzjoni tal-ewwel 45 minuta Danny Mota rdoppja l-iskor mill-assist ta’ Colpani.

Bidu diżastruż għal Milan fit-tieni taqsima hekk kif fit-52 minuta Luka Jovic intwera l-karta ħamra, bir-Rossoneri jkomplu l-partita b’għaxar plejers.

Fl-64 minuta Milan ittantaw il-possibiltà li jwettqu rimonta, hekk kif Oliver Giroud sab ix-xibka, biex saħansitra rnexxielhom jiskorjaw il-gowl tad-draw fit-88 minuta meta Christian Pulisic għeleb lil Sorrentino b’xutt potenti.

Pero bl-iktar mod drammatiku, żewġ minuti wara Monza għal darb’oħra sabu x-xibka, din id-darba permezz ta’ konklużjoni minn tarf tal-kaxxa ta’ Warren Bondo mis-suġġeriment tal-eks Milan Daniel Maldini.

Monza ssiġillaw ir-rebħa fil-95 minuta, fejn b’iktar kontroversja fil-partita, il-plejer misluf mingħand Milan Lorenzo Colombo sab ix-xibka u għamel l-iskor 4-2.

Bologna dawwru telfa f’rebħa biex komplew l-istaġun impressjonanti tagħhom b-iskor finali jkun 2-1.
Lazio skorjaw l-ewwel wara 18-il minuta meta Gustav Isaksen sab ix-xibka mis-suġġeriment ta’ Immobile.

Fid-39 minuta Bologna għamlu l-iskor indaqs permezz ta’ Oussama El Azzouzi , filwaqt li fit-tieni taqsima, Bologna skorjaw il-gowl kruċjali għat-tlett punti meta fid-79 minuta Joshua Zirkzee għeleb lil Provedel u tefa’ lil ftit partitatji preżenti f’dellirju ta’ ferħ.

Din ir-rebħa titfa’ lil Bologna fil-5 post wara 25 logħba, bit-tim immexxi minn Thiago Motta jissorprendi għal kollox dan l-istaġun u jikkompeti għal post fl-Ewropa l-istaġun li ġej.

Żewġ riżultati identiċi ta’ 1-1 fil-partita bejn Fiorentina u Empoli, kif ukoll bejn Udinese u Cagliari.

Fi Stadio Carlo Castellani, Lucas Beltran fetaħ l-iskor wara nofsiegħa logħpb għal Fiorentina, filwaqt li Empoli għamlu l-iskor indaqs fis-56 minuta permezz ta’ M’Baye Niang.

Intant, fil-konfront bejn Udinese u Cagliari, żewġ gowls fl-ewwel taqsima ddeterminaw l-iskor, b’ Jordan Zemura jiskorja l-ewwel għal Udinese wara kwarta logħob, bil-gowl tad-draw jasal fl-44 minuta minn Gianluca Gaetano.

Il-Ġimgħa
Torino v Lecce 2-0
Inter v Salernitana 4-0
Is-Sibt
Napoli v Genoa 1-1
Verona v Juventus 2-2
Atalanta v Sassuolo 3-0
Illum
Lazio v Bologna 1-2
Empoli v Fiorentina 1-1
Udinese v Cagliari 1-1
Frosinone v Roma 0-3
Monza v Milan 4 -2