Lokali Qorti

Mixli li seraq €14,000 fi flus kontanti u oġġetti minn residenza

Joseph Attard, raġel ta’ 38 sena minn Ħal Għaxaq, nżamm taħt arrest wara li kien mixli fil-Qorti li seraq madwar €14,000 fi flus kontanti u oġġetti minn residenza f’Santa Venera fit-8 ta’ Frar.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat inqabad jisraq fuq filmati tac-CCTV, filwaqt li l-Pulizija ġabru wkoll filmati mill-għassa taż-Żejtun, fejn deher jiffirma waqt li kien liebes l-istess ħwejjeġ li bihom wettaq is-serqa.

Id-difiża talbet biex hu jinżamm fis-sezzjoni forensika tal-Isptar Monte Carmeli filwaqt li sostniet li għandu l-vizzju tad-droga. Il-Maġistrat talbet lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex l-akkużat ikompli jingħata l-għajnuna meħtieġa.

Il-prosekuzzjoni talbet ukoll li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegat vittma, li ġiet milqugħa mill-Qorti.