Lokali

Protesta quddiem l-Ambaxxata Russa wara l-assassinju ta’ Alexei Navalny

Bħal ħafna persuni u organizzazzjonijiet oħra madwar id-dinja, fi stqarrija Repubblika saħqet li tinsab ixxukkjata bl-aħbar tal-qtil ta’ Alexei Navalny mir-reġim ta’ Vladimir Putin.

Navalny iddedika l-enerġija kollha tiegħu u saħansitra issagrifika ħajtu biex il-Poplu Russu jikseb il-liberta’ u d-demokrazija.  Biex isikktu, Vladimir Putin għal snin ċaħħdu mil-liberta’ tiegħu u issa qatlu waqt li kien qed iżommu f’ħabs.

“Alexei Navalny hu eroj ta’ żmienna li nqatel għax ħabb u għażel li jiġġieled għal pajjiżu akkost ta’ kollox. Lil Navalny, Putin ħadlu ħajtu, pero’ ma rnexxilux jeħodlu d-dinjita’ tiegħu,” insistiet Repubblika.

Għaldaqstant, Repubblika ssejjaħ lill-Maltin u l-Għawdxin biex jingħaqdu fi protesta għada t-Tnejn 19 ta’ Frar fis-7pm quddiem l-Ambaxxata Russa fil-Kappara, limiti ta’ San Ġwann, sabiex flimkien ma’ persuni u organizzazjonijiet oħra madwar id-dinja nsellmu lil dan l-eroj ta’ żmienna.

Repubblika nsistiet li permezz ta’ din il-protesta, irridu wkoll iwasslu messaġġ ta’ appoġġ u solidarjetà mal-familja ta’ Navalny u maċ-ċittadini Russi li qed jissieltu biex jiksbu d-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom.

Il-pubbliku hu mħeġġeġ iġib miegħu ritratti ta’ Alexei Navalny, xemgħat u fjuri.