Attakk partiġġjan wara l-ieħor u surrealment, diskors mifni bi kritika sfaċċata fil-konfront tal-Unjoni Ewropea.
F’diskors ta’ kważi siegħa waqt attività politika li saret fir-Rialtò f’Bormla, il-Mexxej tal-Labour Party Robert Abela fl-ebda ħin ma rrefera għal-proposti tal-bdiewa waqt il-protesta li saret din il-ġimgħa u ebda spjega jew apoloġija b’rabta mat-tberbiq ta’ mijiet ta’ eluf ta ewro…fosthom fi ħlas ta’ preżentatur Brittaniku…waqt li l-Maltin u l-Għawdxin ilhom xhur sħaħ iħabbtu wiċċhom mal-piżijiet tal-għoli tal-ħajja.
Dan hekk kif waqt li f’temp ta’ ftit jiem sar magħruf li lill-preżentatur Brittaniku David Walliams ħalsuh €120,000 ta’ erba sigħat…u l-Kummissarju tal-Kummissjoni tal-Films, Johann Grech żidulu l-paga b;€90,000 oħra….lill-Maltin u Għawdxin raħsilhom biss 15-il prodott, fosthom piżelli, brokkoli u spinaċi ffriżati.
U filwaqt li kompla jinjora t-tħassib ewlieni għall-familji Maltin u Għawdxin…Abela ssokta bl-attakki fil-konfront tad-diplomatiċi fi Brussell kif ukoll fil-konfront tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. Fejn saħansitra qal li n-nies li jaħdmu fl-Unjoni Ewropea ma jafux ifasslu r-regoli.
Bil-kandidat għall-elezzjonijiiet tal-Parlament Ewropew Jesmond Marshall ironikament mexa bl-istess narrativa.
Waqt id-diskors tiegħu Abela kompla bin-narrativa qarrieqa fil-konfront ta’ Metsola minkejja l-appell tagħha biex tiġi msaħħa d-difiża.
Intant, huwa ftaħar li se jwaqqaf l-Awtorità tal-Bidla tal-Klima – xi ħaġa li kien ħareġ biha l-Partit Nazzjonalista propju 3 snin ilu.
Diskors ieħor minn Abela magħmul biex jiġbed is-simpatija tas-sostenituri Laburisti…magħmul minn attakki bla bażi – diskors li kompla jinjora l-appelli tal-poplu Malti u Għawdxi quddiem l-isfidi tal-għoli tal-ħajja, taż-żieda fil-popolazzjoni mingħajr viżjoni u tat-tberbiq f’pagi lin-nies tal-qalba.
//= $special ?>