It-tħassib tal-Maltin dwar iż-żieda fil-prezzijiet qed jibqa’ jiżdied. U aktar minn 60% jemmnu li pajjiżna qed jitmexxa fi triq il-ħażina.
Stħarriġ imwettaq mill-MaltaToday wera kif filwaqt li hemm ċertu sens ta’ ottimiżmu li fortunatament, ftit ftit, qed jerġa’ jerfa’ rasu…aktar minn 60% tal-parteċipanti għadhom konvinti li pajjiżna qabad direzzjoni ħażina.
Filwaqt li l-pensjonanti u l-Għawdxin huma l-aktar ottimisti skont dan l-istħarriġ, jidher li l-akbar inkwiet għal poplu jibqa’ l-piż tal-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja, il-barranin f’Malta, it-traffiku, il-kostruzzjoni u l-korruzzjoni.
Iċ-ċifri tal-MaltaToday juru li l-inkwiet dwar l-inflazzjoni fl-aħħar xhur żdied minn 24% għal 29% – żieda wkoll fit-tħassib dwar il-korruzzjoni….minn 11% għal 18%.
L-istħarriġ, li twettaq bejn l-aħħar ta’ Jannar u bidu ta’ Frar kompla juri li l-akbar inkwiet fost il-partitarji Laburisti huwa wkoll l-għoli tal-ħajja b’żieda qawwija minn 18% għal 31%.
Id-data miġbura tindika kif fil-maġġoranza tar-reġjuni l-akbar sors ta’ tħassib huwa l-għoli tal-ħajja…madanakollu fir-reġjun tal-Punent l-aktar li qed ikun ta’ inkwiet hija l-kwistjoni tal-barranin f’Malta. Minn dan l-istħarriġ ħareġ li l-aktar persuni li huma mħassba dwar il-barranin huma nies li għandhom età ta’ bejn il-51 u l-65 sena….filwaqt li dawk l-aktar li huma inkwetati dwar l-għoli tal-ħajja – ċioè il-maġġoranza – huma ġenituri ta’ bejn is-36 u l-50 sena.
Din il-ġimgħa stess, f’opinjoni ppubblikata fit-Times, il-kandidat tal-Labour Steve Ellul indika b’mod ċar kristall kemm sploda l-prezz tal-ikel f’pajjiżna. Dan filwaqt illi faqa’ bużżieqa oħra ta’ Robert Abela, meta stqarr li l-piż tal-għoli tal-ħajja mhix kwistjoni li rridu infarfruha biss fuq il-piżijiet internazzjonali.
Il-PN minn naħa tiegħu ilu xhur sħaħ li ħareġ bi proposti ċari biex tiġi indirizzata din il-kriżi; fosthom billi jinħolqu setturi ġodda li joffru impjiegi b’pagi aħjar ħalli l-familji jkunu jistgħu ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.